Fil-preżenza tas-Surmast is-Sur Bernard Riolo, il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, is-Sur James Camilleri u numru ta’ għalliema ta’ l-istess skola, ċ-chairman eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, is-Sur Mark Camilleri flimkien mas-segretarju is-Sur Joseph Debattista ppreżentaw donazzjoni ta’ kotba ġmielha lill-Iskola Primarja tal-Belt Valletta.

Iċ-ċerimonja qasira seħħet fil-kamra biswit il-kappella tal-iskola li dan l-aħħar ġiet renovata bil-ħsieb li sservi bħala librerija ġdida. Din il-librerija ser tiġi uffiċċjalment inawgurata fit-12 ta’ Jannar, 2015. Id-donazzjoni ta’ kotba mill-KNK hi l-ewwel donazzjoni tax-xorta tagħha lil din il-librerija. Is-Sur Riolo irringrazzja lill-Kunsill tal-Ġenituri għall-għajnuna u l-inizjattiva kif wkoll lil Mediterranean Bank għal parti mill-fondi biex jittella dan il-proġett.

Il-kotba mogħtija mill-KNK, fosthom kotba għall-qari u kotba ta’ referenza, ser ikunu jistgħu jiġu mislufa mill-librerija stess kif wkoll ser jiġu użati għall-qari fil-klassijiet. Il-kotba inxtraw wara konsultazzjoni mall-għalliema ta’ l-istess skola.

IMG_1737 IMG_1733 IMG_1728  IMG_1725IMG_1726


Share Article