Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar li għadha kemm tlestiet databse bil-kotba lokali kollha li għandhom ISBN. Din id-database hija aċċessibbli mingħajr ħlas mis-sit tal-KNK.

L-ISBN (International Standard Book Number) huwa numru uniku allokat għal kull ktieb ta’ kull forma. Il-KNK huwa l-aġent uffiċjali tal-ISBN f’Malta u dan ifisser li l-KNK huwa id-distributur esklussiv tal-ISBN f’Malta.

L-ISBN huwa importanti għal ħafna raġunijiet fosthom biex il-ktieb jkollhu numru uniku ta’ identità u raġunijiet kummerċjali bħal biex il-ktieb jkun jista jiġi identifikat minn sistemi ta’ bejgħ. Il-KNK juża’ wkoll l-ISBN għar-raġunijiet amministrattivi, eżempju kotba eleġibbli għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huma kotba li jiġu ippubblikati lokalment u b’hekk għandu jkollhom ISBN maħruġ mill-KNK. B’dan il-mod huwa garantit li kull min jippubblika lokalment għandu jew għandha opportunità li tipparteċipa fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb irrispettivament minn nazzjonalità u l-oriġini tal-persuna.

L-ewwel użu tal-ISBN f’Malta kien minn Henry Grech bil-ktieb tiegħu Ilsien Pajjiżi: junior ippubblikat fl-1969, iżda l-ISBN beda jiġi użat mill-pubblikaturi lokali b’mod regolari mis-snin disgħin. Kotba li m’għandhomx ISBN mhumiex ser jinstabu f’din id-database. Għal kotba mingħajr ISBN, wieħed għandu jfittex il-listi tal-Librerija Nazzjonali.

Wieħed jista jfittex din id-databse permezz tal-ISBN, titlu tal-ktieb, awtur, pubblikatur u data tal-pubblikazzjoni.

Sfortunatament, il-KNK m’għandux informazzjoni ta’ xi numri li ġew allokati minn amministrazzjonijiet preċedenti. Dawn in-numri qegħdin f’lista aċċessibbli mill-pubbliku u kull min għandu informazzjoni dwarhom huwa ġentilment mitlub biex jgħaddi l-informazzjoni lill-KNK.

 

www.isbndatabasemalta.org


Share Article