Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar li r-rebbieħ tal-Konkors għall-Films Qosra tal-KNK u PBS għall-2016 huwa Ryan Gatt bil-proposta għall-addattament tal-istorja qasira ‘Il-Kompliċi’ ta’ Walid Nabhan mill-kollezzjoni ta’ stejjer qosra ‘lura d-dar u ġrajjiet oħra li ma ġrawx’ (Klabb Kotba Maltin, 2009).

Dan il-konkors huwa miftuħ għal timijiet li jagħmlu films qosra bil-Malti ta’ bejn 15 u 20 minuta msejsa fuq novella Maltija ppubblikata. Biex japplika, it-tim irid jissottometti script kif ukoll pjan tal-proġett li jinkludi rendikont finanzjarju. Il-proposta magħżula tirċievi €7000 bħala finanzjament mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) kif ukoll għajnuna loġistika u teknika, fil-forma ta’ ħaddiema u apparat, mingħand il-Public Broadcasting Services għall-produzzjoni tal-film. Il-KNK se jalloka wkoll għotja ta’ €1000 lill-awtur tan-novella oriġinali bħala kumpens għall-użu tal-istorja tiegħu.

Ir-rebbieħ tal-konkors jiġi deċiż minn bord ta’ aġġudikazzjoni kompost minn ġurija maħtura mill-KNK. Il-ġurati għal din is-sena kienu Charles Calleja Storace, Andrei Vella Laurenti u Ruben Zammit (minn PBS). Matul il-perjodu tal-produzzjoni, it-tim irid iżomm kuntatt mal-KNK u mal-PBS biex ikun żgurat li l-proġett qed jiżviluppa skont il-proposta u skont il-kriterji u r-regoli tal-applikazzjoni.

Il-film ‘Il-Kompliċi’ ser jintwera għall-ewwel darba waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2016 (9 – 13 ta’ Novembru, MCC Valletta).


Share Article