Caroline Smailes fil-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2017

Caroline_Wallace_train_indoor

Kif tħabbar diġà fi stqarrija stampa li ħarġet din il-ġimgħa, il-mistiedna speċjali tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2017 hija l-kittieba Ingliża Caroline Smailes. Il-Festival, li huwa l-frott ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti – Universita’, għandu l-għan li jippromovi l-letteratura u l-qari ma’ udjenza matura, b’mod partikolari studenti universitarji. Għal dan il-għan, l-organizzaturi ta’ kull sena jistiednu kittieb jew kittieba sabiex imexxu workshops u taħdit fuq xogħolhom u fuq it-temi ta’ kitba u qari.

Caroline Smailes, li għandha parentela Maltija u tgħix l-Ingilterra, studjat il-kitba u l-letteratura fil-Creative Writing School tal-MMU (Manchester Metropolitan University). Ħadet sehem f’għadd kbir ta’ attivitajiet letterarji f’pajjiżha, fejn ħejjiet u mexxiet workshops fuq kitba kreattiva, kif ukoll fuq l-użu letterarju tal-internet u l-mezzi tax-xandir. Hija magħrufa l-iktar bħala l-kittieba ta’ rumanzi li qanqlu numru kbir ta’ qarrejja madwar id-dinja.

L-ewwel pubblikazzjoni tagħha, ‘In Search of Adam’, tmiss temi pjuttost iebsin – ir-realtajiet koroh tal-abbuż sesswali u n-nuqqas ta’ kura li l-protagonista tar-rumanz, Jude, iġarrab fit-tfulija tagħha wara s-suwiċidju ta’ ommha, suwiċidju li jħaddan fih sigriet tal-familja. Hija storja tal-waħx mingħajr tama li l-kittieba tirrakkonta b’użu oriġinali u esperimentali tal-lingwa u t-tqassim tal-ktieb.

In search of adamblack boxesthe drowningLike Bees to Honey

Wara ‘In Search of Adam’, Smailes ħarġet 4 kotba oħra. ‘Black Boxes’ huwa mfassal fuq il-aħħar ħsibijiet tal-protagonista, Ana Lewis, li għada kif ħadet overdose ta’ pilloli u qegħda tistenna l-mewt li b’xi mod ser tifdi l-istorja ta’ ħajjitha, liema storja l-qarrej jiskopri mill-ħsibijiet u l-memorji li jgħaddu minn moħħ Ana qabel ma tmut. It-tielet rumanz tagħha, ‘Like Bees to Honey’, għandu għamla differenti ħafna. Hija storja ta’ tqala, familja, spirti u maħfra li fiha tidher Malta bħala speċi ta’ limbu għall-erwieħ ta’ dawk li għadhom kif mietu. Nina, il-protagonista tqila tar-rumanz, ġiet lura Malta biex tipprova tirranġa l-affarijiet bejnha u l-familja tagħha li qatgħu kull kuntatt magħha minn meta kienet inqabdet tqila waqt l-istudji tagħha f’universita’ fl-Ingilterra. Iżda fil-Malta li tiskopri meta tasal lura, isib dinja stramba mimlija spirti li jikkomunikaw magħha permezz tat-tifel li qed iġorr fit-tqala, Christopher.

Xogħolijiet oħra ta’ Smailes jinkludu rumanz esperimentali ’99 Reasons Why’ u, iktar reċenti, ‘The Drowning of Arthur Braxton’. Dan tal-aħħar għadu kif inħadem f’film li bħalissa qiegħed fl-istadju li jiġi prodott.

Matul il-festival Smailes ser tkun qed tmexxi numru ta’ workshops fuq temi differenti – aspetti ta’ kitba letterarja, l-użu ta’ forom irregolari ta’ grammatika fir-rakkont u anke fuq kitba kreattiva. Għall-iktar informazzjoni fuq Caroline Smailes u l-attivitajiet tagħha fil-festival, il-pubbliku għandu jsegwi il-Facebook u l-website tal-Kunsill, ktieb.org.mt.