Il-proġett rebbieħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Konkors Letterarju tal-Films Qosra tal-KNK huwa film ta’ 15-il minuta msejjes fuq  storja qasira ta’ Prof. Joe Friggieri, Dritt għall-Punt, meħuda mill-ġabra ta’ stejjer qosra Nismagħhom Jgħidu. Il-proġett ġie ppreżentat minn Charles Stroud u l-kumpanija tal-films Mitħolma. Bħala il-proġett rebbieħ, il-film kien iffinanzjat mill-KNK u se jkollu l-premiere tiegħu nhar is-Sibt 11 ta’ Novembru.

Dritt għall-Punt hija storja dwar totalitarjaniżmu u l-libertà artistika. Il-protagonist, is-Sur Adamov, huwa kittieb li ġie mħarrek mill-forzi tas-sigurtà tal-istat minħabba xi poeżiji u stejjer li huwa ppubblika u li fihom jidher li qed jikkritika l-istat f’forom differenti – permezz ta’ analoġija u metafora, jew aktar ġeneralment, billi juri l-ħajja fil-pajjiż fil-kruha kollha tagħha. Ladarba jasal fiċ-ċentru tal-pulizija, jiġi nterrogat minn uffiċjal sarcastiku li jħalli lil Adamov żewġ għażliet – jew jikkoreġi dawk il-passaġġi ‘ħżiena’ jew jammetti d-disprezz tiegħu lejn l-awtorità. Il-fatt li l-għażliet mhumiex neċessarjament esklussivi b’mod reċiproku, fis-sens li wieħed jista’ jirrifjuta li jbiddel dak li kiteb filwaqt li jsostni li m’għandu l-ebda ambizzjonijiet rivoluzzjonarji, jintesa’ (kemm mill-protagonista kif ukoll mill-qarrej) hekk kif l-uffiċjal iżid l-intensità u r-ritmu tal-interrogazzjoni.

L-azzjoni drammatika tal-istorja hija maħluqa kompletament mid-djalogu, ħaġa li normalment nassoċjaw mat-teatru – Kiss of the Spider Woman ta’ Manuel Puig, per eżempju. Huwa preċiżament dan l-aspett li spira lil Charles Stroud, flimkien ma’ ibnu Matthew, biex jipproponu l-addatament ta’ Dritt for-Punt – l-istruttura drammatika tal-istorja tidher magħmula għall-adattament ċinematiku.

Il-membri tal-pubbliku m’għandhomx jitilfu din l-opportunità biex jaraw il-film fil-premiere tiegħu fit-8:30 ta’ filgħaxija, Sir Temi Zammit Hall, MCC (Valletta) nhar is-Sibt 11 ta’ Novembru. Wara l-premiere se jkun hemm diskussjoni dwar l-adattament tal-films ma’ Charles u Matthew Stroud u għadd ta’ kelliema mistiedna, fosthom Kenneth Scicluna u Dr Savior Catania. Membri tal-udjenza se jkunu jistgħu jipparteċipaw billi jagħmlu mistoqsijiet jew jikkummentaw fuq il-film jew kwalunkwe kwistjoni oħra relatata mad-diskussjoni.


Share Article