It-tieni u l-aħħar jum tal-Festival tal-Ktieb fis-Sajf, 15 ta’ Lulju, se jkun jum iddedikat għall-poeżija f’ġieħ il-poeta Għawdxi Ġorġ Pisani. Fost l-attivitajiet imħejja għall-ġurnata, se jkun hemm sessjonijiet ta’ qari u taħdit ma’ poeti Maltin. Maria Grech Ganado, rebbieħa tal-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Letteratura 2015, se tidher fil-11:50 flimkien mal-poeta Norbert Bugeja, li se jitkellem magħha dwar il-poeżija, ix-xogħol tagħha fit-traduzzjoni u aktar. Waqt it-taħdita se jkun hemm qari ta’ poeżiji mill-poetessa nnifisha.

Imwielda fl-1943, Maria Grech Ganado waslet tard għall-kitba kreattiva. Ippubblikat l-ewwel ġabra tagħha fl-1999 meta kellha diġà 56 sena, grazzi għat-tħeġġiġ ta’ Marlene Saliba, li uriet xi wħud mill-poeżiji bikrin tagħha lil Peter Serracino Inglott. Huwa ppubblika 4 poeżiji tagħha f’antoloġija ġdida tiegħu, Ilħna Mkissra, u ftit wara ġew ippubblikati oħrajn f’Il-Poeżija Maltija ta’ Oliver Friggieri.

Ippubblikat għadd ta’ ġabriet ta’ poeżiji bil-Malti: Iżda mhux Biss, 1999 (rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb); Skond Eva, 2001; Fil-Hofra Bejn Spallejha, ​​2005; Maria Grech Ganado: monografija 2010; Taħt il-Kpiepel t’Għajnejja, 2014 (rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb), u tlieta bl-Ingliż: Ribcage, 2003; Cracked Canvas, 2005 (rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb); Memory Rape, 2005. Ħafna minn poeżiji tagħha huma parti mill-curriculum tal-iskejjel sekondarji u terzjarji. Inkitbu 4 dissertazzjonijiet tal-B.A. u M.A. dwar aspetti varji tax-xogħol tagħha. Madankollu, l-ewwel premju nazzjonali li rebħet, il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika (M.Q.R), fl-2000, ma kienx strettament għall-kitba tagħha, iżda aktar għall-kisbiet akkademiċi tagħha, speċjalment għax kienet l-ewwel tfajla Maltija li rnexxielha tidħol Girton College, Cambridge, tiggradwa, u eventwalment issir l-ewwel mara Maltija li tieħu l-kariga ta’ Lettur full-time fl-Università ta’ Malta.

Il-poetessa ġiet mistiedna għal bosta attivitajiet letterarji f’pajjiżi differenti u, fl-2005, ko-organizzat konferenza internazzjonali f’Malta flimkien ma’ LAF (Literature Across Frontiers) u l-NGO, Inizjamed. Kellha rwol sinifikanti fil-kollaborazzjoni ta’ LAF ma’ Inizjamed, speċjalment fit-twaqqif tal-Festival tal-Letteratura Mediterranja, li kiseb suċċess kbir. Fl-2015, Ganado rebħet premju speċjali mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Letteratura, speċjalment minħabba l-għadd ta’ traduzzjonijiet għall-Ingliż li għamlet għal kittieba oħra fi żmien meta ma kienx hemm kors universitarju tat-traduzzjoni u l-ħlas għal xogħol ta’ traduzzjoni ma kienx obbligatorju.

Dawk li jżuru l-Festival fil-15 ta’ Lulju se jkollhom l-opportunità li jitgħallmu aktar dwar Maria Grech Ganado u l-ħajja tagħha, u se jkunu jistgħu jisimgħu lill-poetessa taqra uħud mill-isbaħ poeżija tagħha.

 


Share Article