Kummenti huma off għal din il-kariga

Alex Vella Gera fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2017

 

 

Alex Vella Gera, kittieb li rebaħ bosta premji prestiġjużi u kiteb, fost oħrajn, Antipodi, Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi u Trojan, se jkun il-mistieden ta’ attività ddedikata għax-xogħol letterarju u l-karriera artistika tiegħu nhar il-Ħamis 9 ta’ Novembru fl-Activity Area ġewwa Dar il-Mediterran (MCC) fit-8 ta’ filgħaxija. Vella Gera se jkun qed jitkellem mal-kittieb u ġurnalist Teodor Reljic dwar l-esperjenzi li fasslu l-vuċi artistika tiegħu, l-esperimenti tiegħu b’forom differenti ta’ espressjoni artistika u t-tfaċċar tiegħu bħala wieħed mill-iktar kittieba prominenti fix-xena letterarja kontemporanja f’Malta.

Vella Gera huwa wieħed mill-mistednin speċjali tal-Festival ta’ din is-sena, li huwa msejjes fuq il-kunċett tal-verità fil-letteratura. Fl-2009 isem l-awtur deher fil-gazzetti lokali meta n-novella tiegħu Li Tkisser Sewwi dehret f’pubblikazzjoni studenteska Realtà. L-istorja hija rakkont fl-ewwel persuna tal-avventuri sesswali tal-protagonist, individwu irresponsabbli u ħsiebu fis-sess bi ftit jew xejn rigward għan-nisa u d-dinjità tal-bniedem. L-istorja pproduċiet dibattitu pubbliku u każ tal-qorti li eventwalment wassal għal reviżjoni tal-liġijiet antiki taċ-ċensura f’Malta. Filwaqt li kienu vera ftit dawk li ddubitaw  il-verità tar-rappreżentazzjoni fiha nnifisha, il-biċċa l-kbira tad-dibattitu kien fuq jekk il-kittieba (u artisti) għandhomx jiċċensuraw il-karattri tagħhom u sa liema punt l-awtur jista’ jinżamm responsabbli għall-espressjoni tal-ħsibijiet tal-kreazzjonijiet tagħhom.

Apparti l-produzzjoni letterarja tiegħu bħala kittieb ta’ rumanzi, Alex Vella Gera esperimenta ukoll b’forom oħra ta’ espressjoni letterarja u artistika, fosthom il-poeżija, il-fotografija u films. Siltiet minn dan ix-xogħol se jintwerew waqt l-attività. Ta’ interess kbir għall-pubbliku (u rilevanti ħafna għat-tema tal-Festival) hija l-pożizzjoni ta’ Vella Gera rigward il-politika neoliberali tal-amministrazzjoni attwali, speċjalment fir-rigward tal-impatt tagħha fuq l-ambjent u l-użu tal-ispazju pubbliku.

Lejn tmiem l-avveniment, se jkun hemm sessjoni ta’ mistqosijiet mill-udjenza, u wara dan, l-awtur se jżur l-istands ta’ Merlin Publishers u Klabb Kotba Maltin biex jiffirma kopji tal-pubblikazzjonijiet tiegħu. Il-membri tal-pubbliku huma mħeġġa jattendu u jiksbu kopja ffirmata tar-rumanzi rebbieħa tal-awtur li ser ikunu għall-bejgħ mill-istands tal-pubblikaturi fis-sala prinċipali tal-MCC.