Kummenti huma off għal din il-kariga

Dati importanti għas-sena 2018

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jinforma lill-pubbliku bid-dati l-iktar importanti fil-kalendarju kulturali tal-Kunsill għas-sena 2017. Bħas-soltu ġie mħejji programm sħiħ ta’ attivitajiet li jinkludi kemm attivitajiet kbar kif ukoll oħrajn iżgħar – festivals tal-ktieb, donazzjonijiet ta’ kotba u parteċipazzjoni f’fieri tal-kotba barra minn Malta, kif ukoll il-bidu ta’ numru ta’ proġetti ġodda.

 

Bejn s-7 u d-9 ta’ Marzu l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb flimkien mal-Għaqda tal-Malti – Università ser itellgħu il-ħames edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus. Bħas-soltu ser jieħdu sehem għadd ta’ pubblikaturi u distributuri Maltin bil-bejgħ tal-aħħar kotba u pubblikazzjonijiet tagħhom. Ser jitħejja ukoll programm ta’ attivitajiet li jinkludu mużika, films, dibattiti u qari. Żommu f’moħħkom dawn id-dati u ejjew iltaqgħu magħna fuq il-Kampus għal tliet ijiem ta’ kultura u divertiment.

L-ikbar attività tas-sena għalina ser iseħħ, bħal dejjem, fl-ewwel ħmistax tax-xahar ta’ Novembru. Fit-7 ta’ Novembru l-MCC (Mediterranean Conference Centre) ser jiftaħ il-bibien għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, l-ikbar ċelebrazzjoni tal-kultura tal-ktieb fil-pajjiż. Il-Festival jispiċċa fil-11 ta’ Novembru.

Barra minn hekk, se nkunu qed nipparteċipaw f’fieri tal-kotba f’pajjiżi barranin, l-iktar importanti fil-Fiera tal-Ktieb ta‘ Londra, li se tkun għaddejja mid-9 sat-12 ta’ April 2018. Se jsiru avvenimenti oħra bħal festivals iżgħar u donazzjonijiet ta’ kotba fix-xhur li ġejjin u l-membri tal-pubbliku jkunu infurmati minn qabel.

Żommu dawn id-dati f’moħħkom u segwu l-paġna tagħna fuq FB jew is-sit sabiex tibqgħu aġġornati.