Kummenti huma off għal din il-kariga

Dun Kixott mill-Manċa: proġett tal-Fond Malti tal-Ktieb

Dun Kixott mill-Manċa (SKS, 2016), it-traduzzjoni għall-vers Malti bla rima tal-kapulavur ta’ Miguel de Cervantes mill-istudjuż u kittieb magħruf Pawlu Montebello, ġie ppubblikat is-sena li għaddiet bil-fondi tal-Fond Malti tal-Ktieb, edizzjoni 2015. Il-ktieb huwa eżempju tajjeb ħafna tat-tip ta’ proġett li l-Fond għandu l-għan li jappoġġa.

Pawlu Montebello (1905 – 2004) kien membru tal-kleru sa l-1955. Qatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu barra mill-pajjiż u kien student tajjeb ta’ għadd kbir ta’ lingwi, fosthom il-Latin, il-Grieg u l-Ebrajk. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, kien stazzjonat fl-Indja, fejn serva bħala interpretu u l-kuntatt prinċipali għal priġunieri tal-gwerra Taljani. Wara l-gwerra, mar jgħix fi New Zealand, fejn ħadem bħala għalliem fil-Kulleġġ ta’ St Cuthbert. Hemm għallem il-lingwi, l-iktar il-Latin, il-Franċiż u l-Ispanjol.

Montebello ġie lura Malta numru ta’ drabi matul is-snin qabel ma s-sens ta’ avventura kien jaħkmu mill-ġdid biex iħalli Malta u jmur barra. F’xi punt, huwa stabbilixxa ruħu f’Wales. Madankollu, iktar ma tbiegħed minn Malta, iktar u iktar tkattar fih l-interess u s-sens ta’ involviment fil-kultura lokali. B’mod partikolari, kienet tinħass ħafna fih ix-xewqa li jsaħħaħ l-esperjenza tal-qari tal-qarrejja Maltin billi jippermettilhom li jaqraw dwar il-kultura antika bl-ilsien Malti. Jixhdu dan il-kotba li ppubblika fil-perjodu ta’ bejn l-1972 u l-1995 – Ġabra ta’ Ħrejjef (1972), Għemejjel Gilgamex (1974), Ħal Salfieni u l-Omm il-Kbira (1981) u l-poeżija epika Ħagar Qim (1995).

Madankollu, Montebello kien tnebbaħ bl-idea li jaqleb ix-xogħol ta’ Cervantes għall-vers Malti ħafna qabel. Fl-1962, f’suq f’Malaga, l-awtur sab Don Quijote de la Mancha en Romance (1953), adattament tax-xogħol ta’ Cervantes għall-vers Spanjol. Huwa minnufih induna li l-verżjoni Maltija trid tiġi mfassla fuq l-għanja tradizzjonali Maltija, li tipikament tiddependi aktar fuq it-tifsira u l-kadenza milli fuq ir-rima. Fl-1983, Montebello spiċċa t-traduzzjoni fil-vers Malti, li madankollu baqgħat mhux ippubblikata minħabba l-fatt li l-pubblikaturi ma għoġbithomx l-idea li l-ewwel traduzzjoni ta’ Don Quijote għall-Malti kellha tkun fl-għamla ta’ poeżija. Minflok, ikkummissjonaw lil Montebello biex jipproduċi traduzzjoni fil-forma ta’ proża, li ġiet ippubblikata fl-1995.

Pawlu Montebello afda lill-ħabib tiegħu Anton Cassar bil-manuskritt oriġinali bil-verżjoni versifikata, u talbu biex jgħożżha bit-tama li xi darba tiġi ppubblikata. Din il-ħolma saret realtà fl-2016, grazzi għax-xogħol ta’ Anton Cassar, li kkoreġa l-manuskritt u ħa ħsieb ix-xogħol editorjali flimkien ma’ Josephine Vassallo, Dr Adrian Grima, Karl Scicluna u Prof. Manwel Mifsud. Il-Fond Malti tal-Ktieb pprovda l-fondi u b’hekk laħaq l-għan li jappoġġja proġetti li mhumiex kummerċjalment vijabbli iżda li fl-istess ħin huma ta’ valur kulturali kbir għal komunitajiet lokali.

Awturi u pubblikaturi huma mfakkra li d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet għall-edizzjoni tal-2017 tal-Fond hija d-29 ta’ Settembru 2017. Applikazzjonijiet u regolamenti jistgħu jintiżżlu minn din il-ħolqa.