Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jistieden edituri u pubblikaturi jibgħatu applikazzjonijiet għal antoloġija ta’ kitba Maltija maqluba għall-Ingliż.

Din hija sejħa miftuħa għal min huwa interessat u lest joħloq u jippubblika antoloġija ta’ kitba Maltija maqluba għall-Ingliż sabiex tħajjar pubblikaturi barranin ifittxu iktar tagħrif dwar il-letteratura Maltija.

Għal dan il-għan, qed toħroġ espressjoni ta’ interess għal edituri u pubblikaturi li huma lesti jieħdu ħsieb ‘Antoloġija ta’ Kitba Maltija Maqluba għall-Ingliż’. L-Antoloġija hija waħda mill-proġetti li l-Kunsill qed imexxi sabiex jippromovi l-letteratura Maltija lil hinn minn xtutna. Il-pubblikazzjoni hija maħsuba biex tiġi użata biss għal skopijiet ta’ reklamar u esebizzjoni. Mhux ser tkun għall-bejgħ imkien u ser titqassam b’xejn.

book fair anthologyDSCN0152book fair anth

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għandu baġit ta’ madwar €15,000 għal dan il-proġett iżda l-ammont jaf jinbidel skond l-offerti tal-edituri jew pubblikaturi.

Ir-rowl tal-editur jew pubblikatur:

B’kuntrast mar-rowl tradizzjonali ta’ editur, l-editur huwa mistenni li jkun il-moħħ wara l-proġett, għalkemm ħafna mix-xogħol tat-tmexxija tal-proġett ser isir mit-tim tal-Kunsill. It-tim ser joffri għajnuna fil-koordinazzjoni tal-proċess ta’ pubblikazzjoni (eżempju, fil-qari tal-provi, l-għażla tal-għamla tal-ktieb, eċċ). Apparti minn hekk, il-Kunsill se jkollu r-rowl ta’ editur u jżomm id-dritt tad-deċiżjoni finali fuq l-għażla tas-siltiet, l-għażla tat-traduzzjoni, l-għamla tal-ktieb u aspetti oħra tal-pubblikazzjoni.

L-editur jew pubblikatur huwa mistenni li:

1.Imexxi l-proċess ta’ għażla

2. Jieħu ħsieb il-proċess ta’ traduzzjoni għall-Ingliż

3. Ikun responsabbli għall-kwalità tal-manuskritti magħżula għat-traduzzjoni

4. Jiġbor, jeditja u jirrevedi l-manuskritti

IMPORTANTI: Il-pagament ser isir fl-2018, wara li titlesta l-antoloġija, jiġifieri qabel Frar 2018.

Id-deċiżjoni finali ta’ min se jieħu l-pubblikazzjoni hija tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Jekk għandek interess tkun l-editur jew il-pubblikatur ta’ din l-antoloġija għandek:

** Tistudja sew il-pubblikazzjonijiet ta’ qabel (‘Beyond a Satin Sea’ u ‘Tangerine Sky’)

** Tikteb lil Simona Cassano fuq simona.cassano@gov.mt jekk tixtieq iktar tagħrif jew għax għandek xi mistoqsijiet.

** L-espressjoni ta’ interess għandha tintbagħat lis-Segretarju, Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Librerija Pubblika Ċentrali, Triq Joseph J. Mangion, Floriana FRN 1800 sa mhux aktar tard mill-5 ta’ wara nofsinhar tat-30 ta’ Ġunju 2017.

 


Share Article