Kummenti huma off għal din il-kariga

Festival Nazzjonali tal-Ktieb: Programm tal-Avvenimenti 2015

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għandu l-unur iħabbar lill-pubbliku l-programm tal-avvenimenti tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2015.

MBF 2015 – Programme – MT – web

Xi darba kienu jgħidu li l-ktieb tradizzjonali ser jispiċċa kaġun tal-kompjuter, iżda dan f’pajjiżna ftit li xejn jidher minnu meta tqis li l-programm tal-avvenimenti tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena ser jinkludi ’l fuq minn 70 attività organizzati minn diversi pubblikaturi, awturi kif ukoll mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Iż-żieda fl-għadd ta’ attivitajiet tirrifletti mhux biss poplu li jħobb il-kotba u l-qari iżda festival li qed jikber kemm b’mod kummerċjali u kemm b’mod kulturali. Il-KNK iħossu kunfidenti li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa avveniment importanti ferm għall-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali ta’ pajjiżna. Għaldaqstant jemmen li festival b’iktar attivitajiet jirrifletti poplu li sar iħobb jaqra iktar.

Waħda mill-attivitajiet li qed jorganizza l-KNK ser tkun il-konferenza Kittieba għall-Paċi. Matul din il-konferenza ser jingħaqdu flimkien diversi kittieba biex jiddiskutu r-rwol tal-letteratura u tal-kittieba fil-kuntest tal-ġrajjiet li qed jiġru bħalissa fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani. Dan ser isir b’referenza speċjali għall-gwerra fis-Sirja u l-kriżi tal-immigrazzjoni. Il-kittieba li ser jipparteċipaw ser ikunu r-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Walid Nabhan, l-awtur ta’ Passaport Antoine Cassar, l-awtriċi Franċiża Marie Darrieussecq u l-poetessa Sirjana Maram al-Masri. Din il-konferenza ser issir fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb nhar il-Ħamis 5 ta’ Novembru fis-7.30pm.

Fil-Festival ser jipparteċipaw mad-39 esebitur li jinkludu l-Assoċjazzjoni tal-Pubblikaturi minn Sqallija f’kollaborazzjoni mal-Istituto Italiano di Cultura a Malta u anke ħanut tal-kotba minn Pariġi. Il-pubblikatur Ingliż Clive Boutle ser ikun preżenti nhar l-Erbgħa filgħaxija biex iniedi l-antoloġija tiegħu ta’ letteratura Maltija li ġiet editjata minn Charles Briffa. Il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb ser issir nhar l-Erbgħa 4 ta’ Novembru fis-Sala Komuni fit-8.00pm.

Matul il-Festival ser jintwera għall-ewwel darba l-film Dar ir-Rummien. Dan il-film rebaħ il-kompetizzjoni tal-films qosra bbażati fuq il-letteratura li kienet organizzata mill-KNK u l-PBS. Dan il-film qasir huwa bbażat fuq storja miktuba mir-rebbieħ tal-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea Pierre Meilak, u nħadem minn ‘2DoorsMedia’ b’direzzjoni ta’ Manuel Xuereb u Federico Chini. Il-film ser jintwera fis-Sala l-Kbira nhar is-Sibt 7 ta’ Novembru fit-8.00pm.

L-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huma miftuħa għall-pubbliku ġenerali. Kulħadd imħeġġeġ jattendi.

MBF 2015 - A5 Programme - MT - web-page-001MBF 2015 - A5 Programme - MT - web-page-002MBF 2015 - A5 Programme - MT - web-page-003MBF 2015 - A5 Programme - MT - web-page-004MBF 2015 - A5 Programme - MT - web-page-005MBF 2015 - A5 Programme - MT - web-page-006MBF 2015 - A5 Programme - MT - web-page-007

 .