Il-‘Festival Nazzjonali tal-Ktieb’, li jitella’ kull sena, huwa l-iktar avveniment importanti dwar il-ktieb fil-kalendarju Malti. Għandu attendenza ta’ 30,000 persuna u l-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 40 esebitur. Il-programm kulturali tal-Festival iħaddan aktar minn 50 avveniment, li jinkludu tnidijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, qari ta’ poeżija, laqgħat ma’ awturi, konferenzi u seminars.

Il-Festival iseħħ fis-sit tal-isptar antik tal-Kavalieri ta’ San Ġwann, La Sacra Infermeria, issa magħruf bħala Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fl-ewwel u t-tieni ġimgħa ta’ Novembru. Evolva mill-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb, li seħħet għall-ewwel darba fl-1979, biex isir festival li jiċċelebra l-kultura tal-ktieb u jfittex li jirrappreżenta l-ktieb fis-sħuħija tiegħu – mhux biss bħala kull oġġett ta’ konsum iżda bħala xi ħaġa li tinvolvi l-qarrej lil hinn mill-konfini tal-ktieb. Għal din ir-raġuni, l-avveniment ġie msejjaħ l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb fl-2013. Tista’ taqra aktar dwar l-istorja tal-Festival hawn.

Dan l-iżvillup wassal biex il-Festival kiber fl-ambitu tiegħu kemm f’dak li jikkonċerna parteċipazzjoni kif ukoll bħala avveniment kulturali. Il-programm kulturali tal-Festival sar minjiera ta’ attivitajiet, b’użu kreattiv ta’ testi letterarji, diskussjonijiet u konferenzi dwar temi letterarji u qari professjonali ta’ siltiet minn rumanzi jew poeżiji. Il-ġranet tal-ġimgħa filgħodu huma riżervati għat-tfal tal-iskola u studenti b’programm speċjali ta’ attivitajiet ippreparat għalihom.

Fost il-ħafna parteċipanti fil-Festival, il-pubblikaturi, l-awturi u l-aġenti letterarji attivi f’pajjiżna kollha b’xi mod jew ieħor jieħdu sehem fil-Festival. Riċentement, żdiedet il-parteċipazzjoni internazzjonali tal-Festival bl-inklużjoni ta’ parteċipanti barranin bħal ħwienet tal-kotba, libreriji u awturi barranin.

Barra minn hekk, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa wieħed mis-serje ta’ komponenti importanti fil-pjan tal-Gvern biex jikklassifika lil Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea għall-Kultura fl-2018 u, f’dan ir-rigward, qiegħed jappoġġja bi sħiħ lill-Kunsill fl-iżvilupp u t-titjib ulterjuri ta’ dan l-avveniment.

Niżżel kopja tal-formola ta’ applikazzjoni għall-parteċipazzjoni fl-edizzjoni tal-2017: Malta Book Festival 2017 Application Form