Kummenti huma off għal din il-kariga

Fetħu l-Applikazzjonijiet għall-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda Poeti Malti jistiednu poeti biex jipparteċipaw fl-edizzjoni tal-2017 tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Mons. Amante Bountempo, li jiftaħ illum u jagħlaq fl-4 ta’ Settembru 2017. Parteċipanti huma mitluba jissottomettu sa tliet poeżiji bil-Malti ta’ mhux iktar minn sitta u tletin vers. Il-poeżiji ma jistgħux ikunu dehru qabel f’forma stampata, f’antoloġiji jew f’ġurnali.

 

Il-Konkors, li twaqqaf għall-ewwel darba s-sena l-oħra, joffri tliet premjijiet – l-ewwel, it-tieni u t-tielet premju. L-ewwel premju huwa ta’ 400 euro, segwit minn premju ta’ 200 euro għat-tieni post u 100 euro għat-tielet. Ġurija ta’ tliet aġġudikaturi ser tevalwa l-poeżiji li għandhom jiddaħħlu taħt nom de plume sabiex jiġi aċċertat li l-aġġudikazzjoni tkun waħda ġusta. Għall-istess raġuni, membri tal-Kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin u membri tal-bord jew tal-amministrazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ma jistgħux jieħdu sehem.

Peress li kull poeta jista’ jissottometti sa tliet poeżiji, jista’ jiġri li poeta wieħed jirbaħ aktar minn premju wieħed. Huwa wkoll possibbli, għalkemm ftit improbabbli, li l-istess individwu jirbaħ it-tliet premjijiet kollha. Fl-ewwel edizzjoni tal-Konkors is-sena li għaddiet, Louis Briffa rebaħ l-ewwel premju b’Falco Peregrinus u t-tielet premju b’Storja Antika. Poeti li jissottomettu aktar minn poeżija waħda jistgħu jissottomettu l-poeżiji kollha taħt l-istess nom de plume, jew jekk jippreferu, jistgħu jużaw nom de plume differenti għal kull poeżija. Lista kompluta tar-regolamenti tista’ titniżżel minn din il-ħolqa.

 

Fl-evalwazzjoni tas-sottomisjonijiet il-ġurija ser tapplika sett ta’ kriterji. B’mod ġenerali, il-ġurija hija mitluba tidentifika u tippremja awtentiċità, immaġinazzjoni u l-użu oriġinali ta’ ritmu u ta’ elementi tad-diskors. Madanakollu, hemm kwistjonijiet oħra, bħall-konsistenza ta’ reġistru, l-ortografija, l-grammatika, l-aspett viżiv, u ħafna aktar li jġorru piż konsiderevoli fl-evalwazzjoni. Il-parteċipanti kollha huma mħeġġa jniżżlu l-kriterji u jistudjawhom bir-reqqa.

 

It-tħabbira tal-poeżiji rebbieħa se ssir waqt avveniment f’Sir Temi Zammit Hall fiċ-Ċentru tal-Mediterran għal Konferenzi nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru, bħala parti mill-programm kulturali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li nhar il-Ġimgħa se jkun iddedikat l-aktar għall-poeżija.

 

Dokumenti:

 

Kriterji

Regolamenti u linji gwida

Applikazzjoni