Kummenti huma off għal din il-kariga

Fetħu l-applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2017

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir iħabbar li l-applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2017 (għall-kotba li ġew ippubblikati tul l-2016) infetħu, inklużi dawk tat-Terramaxka – il-Premju Nazzjonali għal kotba tat-tfal u l-adolexxenti. Il-premju jagħżel pubblikazzjonijiet tas-sena ta’ qabel (f’dan il-każ tal-2016) li jilħqu livell għoli ħafna kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ valur letterarju kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-kwalità ta’ pubblikazzjoni.

Apparti l-premji għall-pubblikazzjonijiet, il-Premju Nazzjonali jinkludi ukoll il-Premju għal Kontribut Siewi fil-Letteratura jew fil-Qasam tal-Ktieb. L-aħħar rebbieħ ta’ dan il-premju huwa Mario Azzopardi, kif ġie imħabbar waqt iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2016. Qablu rebħuh, fost oħrajn, Prof. Godrey Wettinger (2014) u Maria Grech Ganado (2015). Dan il-premju jingħata lil studjużi, kittieba jew poeti li kellhom impatt kbir fuq l-istorja letterarja u akkademika ta’ Malta. Ir-rebbieħa ta’ kull sena jiġu onorati b’attività mħejja f’ġieħhom fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb tas-sena ta’ wara.

PER_9417 copyPER_9422 copy

Premju ieħor mhux relatat ma’ pubblikazzjoni partikolari huwa l-Premju Għall-Aħjar Kittieba Emerġenti, li s-sena li għaddiet intrebaħ minn Leanne Ellul. Ellul kienet ukoll ir-rebbieħa tal-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2013 – 2014 bir-rumanz ‘Gramma’.

B’riferenza għall-premji għal pubblikazzjonijiet, hemm b’kollox seba’ kategoriji għal kotba għall-adulti u sitt kategoriji għall-Premju Terramaxka. F’kull kategorija jistgħu jintrebħu iktar minn premju wieħed dment li l-kotba jkunu ġabru iktar minn 90% tal-marki. Din hija maħsuba sabiex l-iktar premju letterarju importanti fil-pajjiż ma jitlifx il-valur tiegħu u jsir konkors purament kompetittiv fejn xogħol ta’ kwalità baxxa jkun jista’ jerbaħ il-premju anke jekk ikun ħarira aħjar mill-oħrajn. L-aġġudikazzjoni hija bbażata fuq sistema ta’ kriterji dettaljati li jirriflettu kemm il-letterarjetà kif ukoll l-istilistika, l-oriġinalità u d-disinn. Din is-sena saru xi tibdiliet żgħar fil-kriterji tal-kategorija tat-traduzzjoni sabiex dawn il-kriterji jservu aħjar għall-aġġudikazzjoni ta’ xogħol ta’ traduzzjoni.

booklets 3booklets 2booklets 1

Il-kotba li se jkunu nnomanti għall-premjijiet se jitħabbru qabel il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u kemm il-kotba innominati kif ukoll il-kotba rebbieħa se jiġu imxandra u imħabbra fil-mezzi tax-xandir bħala parti minn kampanja pubbliċitarja li testendi tul il-perjodu kollu mill-pubblikazzjoni tal-kotba innominati sa l-istqarrija tal-ismijiet tar-rebbieħa. Iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb issir f’Diċembru fil-Berġa ta’ Kastilja taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru.

 

 

Din il-ħolqa twasslek għall-paġna fejn jinstabu ir-regoli u l-kriterji fis-sit uffiċċjali tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb: http://ktieb.org.mt/?page_id=35&lang=mt