Kummenti huma off għal din il-kariga

Ħareġ il-programm uffiċjali tal-avvenimenti fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2018

Ħareġ il-programm uffiċjali tal-avvenimenti fil-Festival Nazzjonali tal-ktieb (verżjoni għall-mowbajl hawnhekk). Il-Festival se jsir fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) mis-7 sal-11 ta’ Novembru. Din is-sena l-programm fih ’il fuq minn 80 attività, fosthom tnedijiet ta’ kotba u preżentazzjonijiet, konferenzi, taħditiet, drammi u attivitajiet ta’ divertiment għat-tfal. L-attivitajiet huma mħejjija jew mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jew mill-parteċipanti fil-Festival, li tista’ tgħid jinkludu kull pubblikatur, bosta bejjiegħa tal-kotba u NGOs kif ukoll aġenziji pubbliċi involuti fl-industrija tal-ktieb.

Dis-sena l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb qed jirdoppja fl-ispazju. Se jkun hemm żewġ swali għall-eżebizzjoni – is-Sagra Infermerija (fuq) li se jkun fiha l-pubblikaturi, NGOs u libreriji (Maltin u barranin), filwaqt li l-bejjiegħa u l-ħwienet tal-kotba se jkunu fis-Sala La Valette (isfel).

Il-mistiedna speċjali ta’ din l-edizzjoni se tkun l-awtriċi u attivista ta’ fama internazzjonali Naomi Klein, li se tkun intervistata mill-ġurnalist lokali Matthew Vella, il-Ġimgħa 9 ta’ Novembru fit-8pm. Klein hi l-awtriċi tal-ktieb The Shock Doctrine, li kiser rekords ta’ bejgħ fid-dinja u li fih Klein titkellem dwar dak li ssejjaħlu ‘kapitaliżmu tad-diżastri’. Il-ktieb qawwa l-prominenza ta’ Klein, bin-New Yorker jgħid li Klein hi l-aktar figura viżibbli u influwenti fix-xellug Amerikan.

Attività ewlenija oħra hi ‘Il-Letteratura fid-Dijaspora’, l-Erbgħa fis-7pm. Ejja u sir af kif kittieba lokali u barranin, bħal Lou Drofenik, Nikola Petković, Vera Duarte u Philip O Ceallaigh jirriflettu r-realtajiet tal-ispostament, iċ-ċaqliq minn pajjiż għal ieħor, fix-xogħlijiet tagħhom.

Attivitajiet interessanti oħra li se jorganizza l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huma d-diskussjoni li se titmexxa mill-ġurnalist James Debono dwar x’ħalliet warajha l-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia, kif ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-poeta Victor Fenech li s-sena l-oħra rebaħ il-Premju għal Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kitba. Mistednin internazzjonali oħra waqt il-Festival huma r-rumanzier, kittieb tal-esejs u traduttur Brittaniku Tim Parks, u l-kittieb Brittaniku Michael Amherst. Se jintwera għall-ewwel darba l-film Camilla ta’ Shadeena, rebbieħ tal-Konkors tal-KNK għall-Films Qosra, addattat min-novella bl-istess isem ta’ Clare Azzopardi, is-Sibt 10 ta’ Novembru fit-8.30pm.

Bħalma ġara fis-snin ta’ qabel, il-KNK juża l-Festival biex ikompli jħeġġeġ lit-tfal jaqraw u jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kultura tal-ktieb. Waqt din l-edizzjoni se jkun hemm qari għat-tfal minn stejjer fil-letteratura Ċeka u Slovakka. “Ċampjins tal-Qari” hu avveniment li fih se jiġu ppremjati tfal li eċċellaw fil-qari jew li b’għemilhom għenu lil ħaddieħor jitjieb f’dil-ħila. Ħaġa oħra ġdida fil-Festival se tkun is-sehem tal-Iskola Maltija tal-Arti Viżiva u Performattiva, li se tkun qed torganizza serje ta’ attivitajiet għat-tfal fost il-ġimgħa filgħodu. L-attivitajiet se jkunu bbażati fuq ir-rebbieħa tal-Premju Terremaxka tas-sena l-oħra.

Mhux ta’ min jitlef ukoll ix-xows li se jagħtu d-duo DANUSAN, biex juru l-importanza tal-kultura tal-qari…ovvjament bil-mod uniku tagħhom! Ix-xows se jsiru l-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd u huma immirati għal familji bit-tfal. Aktar informazzjoni ssibha hawnhekk.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qed jinżamm f’żewġ swali fl-MCC. F’dik ta’ fuq, La Sacra Infermeria (il-pjan terran), se jkun hemm il-pubblikaturi kollha Maltin u barranin, il-libreriji u l-NGOs. Dik t’isfel, La Vallette (is-sular t’isfel), se tkun għall-bejjiegħa tal-kotba u d-distributuri.

Il-KNK jixtieq ifakkar lill-pubbliku li se jkun hemm is-servizz tat-trasport b’xejn mill-istejġ Publiju qrib il-monument tal-Indipendenza l-Furjana lejn l-MCC. Is-servizz se jkun disponibbli biss is-Sibt u l-Ħadd.