Kummenti huma off għal din il-kariga

Ħarġu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2015

Ta’ kull sena, din l-istqarrija s-soltu tirreferi għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, iżda għall-ewwel darba minn din is-sena, se nkunu qed inħabbru il-ftuħ ta’ applikazzjonijiet għal-żewġ premjijiet differenti. Apparti li nixtiequ inħabbru li għal sena oħra reġgħu fetħu l-applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2015 (għall-kotba li ġew ippubblikati fis-sena 2014), qed inħabbru wkoll Terramaxka – il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għat-Tfal u għall-Adoloxxenti. Dan il-premju se jiġi mniedi fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb bejn l-4 u 8 ta’ Novembru, fiċ-Ċentru tal-Konferenzi Dar il-Mediterran. Il-Premju Terramaxka jinkludi fih sitt kategoriji: Kotba għat-tfal (etajiet 0-7), Kotba għat-tfal (etajiet 8-12), Kotba għall-adoloxxenti (etajiet 13-16), Kotba għat-tfal maqlubin għall-Malti (etajiet 0-7), Kotba għat-tfal maqlubin għall-Malti (etajiet 8-12) u Kotba għall-adoloxxenti maqlubin għall-Malti (etajiet 13-16).

Għal din is-sena, il-kategoriji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb qed jiżdiedu mill-ġdid biex jinkludu l-kategorija tad-Dramm bil-Malti kif ukoll kategoriji differenti għar-Riċerka, waħda għar-Riċerka Ġenerali u l-oħra għar-Riċerka Storjografika. F’kull kategorija jistgħu jintrebħu iktar minn premju wieħed dment li l-kotba jkunu ġabu iktar minn 90% tal-marki. Il-proċess ta’ aġġuddikazzjoni li jwassal għar-rebbieħa huwa wieħed metikoluż u l-kotba nnomianti se jiġu skrutinizzati b’ħafna reqqa. Dan jgħodd kemm għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb kif ukoll għall-Premju Terramaxka.

Għalkemm ir-rebbieħa jintagħżlu permezz ta’ aġġudikazzjoni ibbażata fuq sistema ta’ kriterji dettaljati li jirriflettu kemm il-letterarjetà kif ukoll l-istilistika, l-oriġinalità u d-disinn, ma nixtiqux li dan il-Premju jevolvi f’forma ta’ tellieqa olimpika fejn kittieb jista’ jitqies aħjar minn ieħor. Minflok, nixtiequ li nippremjaw l-eċċellenza fil-kitba u l-pubblikazzjoni tal-kotba u b’hekk se nkunu qed nagħtu rikonoxximent lil dawk il-kotba li bla ebda dubju jiddistingwu ruħhom minn oħrajn kemm mil-lat ta’ kwalità kif ukoll mil-lat ta’ oriġinalità.

Il-kotba li se jkunu nnomanti għall-premjijiet se jitħabbru qabel il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u kemm il-kotba innominati kif ukoll il-kotba rebbieħa se jiġu imxandra u imħabbra fil-mezzi tax-xandir. Iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb issir f’Diċembru fil-Berġa ta’ Kastilja taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru.

 

Formola ta’ Applikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb: Applikazzjoni-PNK-2015

Hawn taħt għandek issib ir-Regolamenti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb flimkien mal-Linji Gwida u Kriterji ta’ kull kategorija għall-2015:

Regolamenti PNK 2015

Ir-Rumanz
In-Novella
Il-Poeżija
Drama
Riċerka Ġenerali
Riċerka Storjografika
Traduzzjoni

 

Formola ta’ Applikazzjoni tal-Premju Terramaxka: Applikazzjoni-PT-2015

Hawn taħt għandek issib ir-Regolamenti tal-Premju Terramaxka flimkien mal-Linji Gwida u Kriterji ta’ kull kategorija għall-2015:

Regolamenti PT 2015

0-7snin
8-12-ilsena
13-16-ilsena
Traduzzjoni 0-7snin
Traduzzjoni 8-12-ilsena
Traduzzjoni 13-16-ilsena

IMG_1319 IMG_1317 IMG_1313 IMG_1312 IMG_1310.