Kummenti huma off għal din il-kariga

Ħarsa lejn il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus: Tmiem

Ilbieraħ filgħaxija l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus għalaq it-tielet u l-aħħar jum tal-Festival b’attività f’ġieh il-kittieba Caroline Smailes, il-mistiedna speċjali tal-Festival. Smailes, li matul il-Festival mexxiet għadd ta’ workshops fuq aspetti tal-kitba letterarja u l-arti tar-rakkont, tkellmet ma’ John Bonello dwar ħajjitha u xogħolha, b’mod partikolari dwar l-importanza tal-parentela Maltija. Matul l-attività, il-kittieba qrat siltiet mill-kotba tagħha u wieġbet għal mistoqsijiet mill-udjenza.

cs1cs3 cs4sc11

Attivitajiet oħra li seħħew ilbieraħ jinkludu taħdita ma’ Dr. Michael Spagnol fuq il-varjazzjoni lingwistika fil-Malti, liema attività ġibdet għadd tajjeb ta’ studenti universitarji, kif ukoll laqgħa mal-kittieb Jean Paul Borg. Il-kittieb tkellem ma’ Elena  Cardona dwar l-aħħar pubblikazzjoni tiegħu – kollezzjoni ta’ stejjer qosra bl-isem ‘Mhux Nies’ (Klabb Kotba Maltin).

Sessjoni ta’ qari ta’ poeżiji kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, imtella’ minn Faraxa, tat lill-udjenza l-opportunità jisimgħu uħud mill-vuċijiet oriġinali fix-xena tal-poeżija kontemporanja: Marlene Saliba, Therese Pace, Dion P.P. Pizzuto u Linda Henry. Tista’ tgħid li hija karatteristika ta’ dan il-Festival li kull filgħaxija jkun hemm sessjoni ddedikata għall-poeżija. Din is-sena l-Festival offra ukoll it-tnedija ta’ kollezzjoni ta’ poeżiji ta’ Prof. Kenneth Wain, ‘Who looks at the sun anymore’ (Horizons).

sp2jp1faraxa3faraxa1

Aspetti differenti tal-ktieb bħas-sengħa tal-legatorija u r-restawr tal-kotba u l-arkivji kienu rappreżentati ukoll fil-Festival. L-Erbgħa u l-Ħamis Glen Calleja mexxa workshops fuq il-ħidma tal-ktieb bl-idejn, waqt li l-Ħamis HoASA (History of Art and Fine Arts Students’ Association) ħejjew taħdita fuq il-preservazzjoni u r-restawr tal-ktieb.

HoASA1HoASA2

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, flimkien mal-Għaqda tal-Malti – Universita’ jirringrazzja lill-pubblikaturi u lill-organizzazzjonijiet li ħadu sehem fil-Festival kif ukoll lill-kittieba, poeti, kelliema u qarrejja li pparteċipaw fl-attivitajiet. Fuq kollox, jirringrazzja lill-membri tal-pubbliku li żaru l-Festival u l-attivitajiet li tħejjew għalihom.