Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2016 jiftaħ għada!

Dan il-għodu fid-9 il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Impjieg, l-Onorevoli Evarist Bartolo u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri ħabbru l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2016 fil-Mediterranean Conference Centre (MCC), il-Belt Valletta. Il-festival ser ikun miftuħ għall-pubbliku mid-9 sat-13 ta’ Novembru filgħodu u filgħaxija. Matul il-ġranet tal-ġimgħa filgħodu il-festival ser ikun iddedikat għal qarrejja żgħar u studenti. Ġew imħejja għadd ta’ attivitajiet għalihom li jinkludu attivitajiet ta’ drama u avventura. Ser ikun hemm attivitajiet oħra maħsuba għat-tfal filgħaxija ukoll. Il-programm tal-festival iħaddan fih ukoll għadd ta’ konferenzi fuq suġġetti varji, tnidijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, laqgħat ma’ kittieba u wirja fuq l-artiġġjanat tal-ktieb. Bħas-soltu ser ikun hemm fost il-mistiedna speċjali tal-festival kittieba ta’ fama internazzjonali li ser jieħdu sehem kemm fil-konferenzi kif ukoll f’attivitajiet iddedikati lilhom u lil xogħolhom.

Fil-festival ta’ din is-sena ser jieħdu sehem il-pubblikaturi lokali kważi kollha, il-ħwienet u distributuri tal-kotba l-iktar magħrufa, entitajiet pubbliċi kif ukoll NGO. B’mod partikolari, Malta Libraries qed tieħu sehem b’mod attiv ħafna u ħadmet kemm mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kif ukoll mal-Aġenzija Nazzjonali għal Litteriżmu sabiex jittellgħu attivitajiet maħsuba biex iħeġġu l-ġenerazzjoni ż-żgħira jaqraw iktar. Hija l-missjoni tal-Ministeru li jgħolli l-livell ta’ litteriżmu u l-qari fost il-kommunità lokali.

Lingwi barranin huma rappreżentati ukoll fil-festival bil-parteċipazzjoni attiva ħafna tal-Istituto Italiano di Cultura, l-Ambaxxata Spanjola kif ukoll l-Ambaxxata Franċiża li ser tospita fuq l-istand tagħha Librairie ‘La Boucherie’ Paris u Biblionef, NGO li jqassam kotba f’iktar minn 66 pajjiż.

Ir-rebbieħ tal-Lifetime Achievement Award tas-sena li għaddiet, il-poetessa Maria Grech Ganado, ser ikollha attività maħsuba għaliha u għal xogħolha. Din hija opportunita unika għal membri tal-pubbliku sabiex jiltaqgħu mal-poetessa u jisimgħu il-poeżiji tagħha jinqraw minn qarrejja professjonali.

Ittieħdet ħafna attenzjoni sabiex il-festival ikun reklamat sew u sabiex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi mill-faċilitajiet kollha possibbli. Ser ikun hemm anke servizz ta’ trasport bejn Bieb il-Belt u l-MCC li jitlaq minn ħdejn l-monument tal-Indipendenza l-Furjana u ser jaħdem il-ġurnata kollha nhar is-Sibt u l-Ħadd.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Impjieg, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, tistieden il-pubbliku jżur u jgawdi l-festival li huwa bla ebda dubbju data mportanti ħafna fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna.


Niżżel kopja tal-programm kulturali tul il-ħamest ijiem tal-Festival minn din il-ħolqa:
 mbf-2016-programm-mt

Il-Paġna tal-Festival fuq Facebook: https://www.facebook.com/events/1951963831697045/