Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2017 – Dati u Attivitajiet

Hekk kif qed isiru t-tħejjijiet għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar l-ewwel dettalji tal-programm uffiċjali. Bħal dejjem il-programm se jinkludi konferenzi fuq temi ta’ importanza letterarja u soċjopolitika, preżentazzjonijiet ta’ kotba u awturi, tnidijiet ta’ kotba, attivitajiet divertenti għat-tfal, qari u ħafna aktar.

Il-Festival se jsir fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) fil-Belt Valletta mit-8 sat-12 ta’ Novembru u se jkun miftuħ għall-pubbliku filgħodu u filgħaxija, kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd. Matul dawn il-ħamest ijiem, il-membri tal-pubbliku se jkunu mistiedna jżuru s-sala l-kbira ta’ l-isptar storiku tal-Kavallieri ta’ San Ġwann biex igawdu l-isbaħ u l-ikbar ċelebrazzjoni tal-ktieb fil-kalendarju kulturali. Hemm se jsibu bosta stands li jirrappreżentaw pubblikaturi kemm lokali kif ukoll barranin, ħwienet tal-kotba, distributuri u NGOs. Ħafna minn dawn il-parteċipanti ukoll se jħejju attivitajiet b’temi letterarji, fosthom preżentazzjonijiet ta’ pubblikazzjonijiet ġodda u l-awturi tagħhom, drammi u diskussjonijiet.

L-għanijiet tal-Festival tal-Ktieb huma li jippromwovi l-qari u l-litteriżmu, jippromwovi l-kotba bħala mezz ta’ tagħlim u tgawdija, jinvolvi lill-pubbliku f’diskussjoni intelliġenti ma’ kittieba u esperti f’diversi oqsma ta’ studju u ta’ interess akkademiku, li joħloq attivitajiet pjaċevoli kemm għaż-żgħar kif ukoll għall-kbar, u li jagħti spazju għall-pubblikaturi u aġenti kulturali oħra biex jippreżentaw ix-xogħol tagħhom lill-pubbliku.

Il-Festival se jiġi inawgurat nhar it-Tlieta 7 ta’ Novembru bil-Premju Terramaxka, il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kotba tat-Tfal. l-Erbgħa 8 ta’ Novembru, il-Festival se jiftaħ b’konferenza dwar id-definizzjoni tal-verità fil- letteratura fittizja u dik mhux fittizja. F’din il-konferenza il-pubbliku adult ser isegwi taħdita bejn ħames imħuħ kontemporanji li huma fost mistednin speċjali ta’ din is-sena: Rosie Goldsmith, ġurnalista tal-BBC, il-kittieba u l-poeta Ros Barber, imwielda fl-Amerika imma li kibret u tgħix l-Ingilterra, l-awtur Franċiż Gilbert Sinoué, Shahd Al Shammari, poetessa mill-Kuwajt u l-awtur lokali Alex Vella Gera. Mistieden speċjali ieħor għal din is-sena huwa Ahmad Said Abdel Moneim, pubblikatur Għarbi magħruf li se jagħti diskors fuq letteratura sovversiva fid-dinja Għarbija.

Bħas-soltu, se jkun hemm attivita f’ġieħ ir-rebbieħ tal-Premju għal Kontribut Siewi fil-Letteratura tas-sena li għaddiet. L-awtur, poeta u drammatur Mario Azzopardi ingħata l-premju fl-2016 għall-kontribut tiegħu fil-letteratura u kultura lokali mhux biss bħala kittieb iżda wkoll għax-xogħol tiegħu fl-oqsma tal-ġurnaliżmu kulturali u l-kritika letterarja. Azzopardi kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju, moviment letterarju rivoluzzjonarju li kellu rwol kruċjali biex jimmotiva lill-awturi Maltin biex jitbiegħdu mill-parokjaliżmu u mit-temi folkloristiċi tradizzjonali u jittrattaw suġġetti ta’ rilevanza soċjali. Fl-attivita’ se jintwera film qasir dwar Azzopardi, intervista mal-kittieb, kif ukoll qari ta’ siltiet minn uħud mix-xogħlijiet importanti tiegħu. Din l-attivita’ se ssir nhar il-Ġimgħa, li se jkun jum iddedikat lill-poeżija.

Nhar il-Ġimgħa l-KNK ser jorganizza attivita’ f’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Poeti Maltin, fejn apparti minn qari magħżul, se jitħabbru r-rebbieħa tal-Konkors ta’ Poeżija Mons. Amante Buontempo 2017. Pubblikaturi bħal Horizons ser jtellgħu wkoll attivitajiet relatati mal-poeżija b’laqgħat ma’ poeti u qari ta’ poeżiji.

Bħas-soltu, il-festival se jinkludi wkoll wirja tematika, li se ssir fis-sala Perello. Wirja tal-arti b’media differenti – pitturi, fotografija u arti diġitali – kollha ispirati minn xogħlijiet ta’ letteratura Maltija se tkun miftuħa għall-pubbliku matul il-Festival kollu u x-xogħlijiet fil-wirja se jkunu għall-bejgħ.

Studenti u tfal tal-iskola se jattendu l-Festival fil-ġranet tal-ġimgħa, jiġifieri l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa. Qed jitħejjew attivitajiet speċjali għalihom bħal drammi bbażati fuq it-titli rebbieħa tal-Premju Terramaxka ta’ din is-sena. Barra minn hekk, se jkun hemm atturi liebsin ta’ karattri popolari tal-letteratura tat-tfal bl-iskop li jitkellmu mat-tfal u jiggwidawhom madwar l-istands u l-wirijiet oħra tal-Festival. Se jingħata vawċer ta’ 3 euro lil kull student biex dawn jitħajru jixtru kotba mill-Festival.

Is-Sibt filgħaxija l-programm jagħlaq b’attivita’ importanti ħafna: il-premiere ta’ film qasir msejjes fuq novella Maltija f’ Sir Temi Zammit Hall fl-MCC. Ir-rebbieħ ta’ din is-sena tal-Konkors tal-Films Qosra tal-KNK kienet il-kumpanija Mitħolma ta’ Charles Stroud, li se jadatta novella ta’ Joe Friggieri Dritt Għall-Punt mill-ġabra ta’ stejjer qosra Nismagħhom Jgħidu (Kite Group, 2016). Kemm id-direttur kif ukoll l-awtur se jkunu preżenti waqt l-attivita’ u se jitħadtu mal-pubbliku dwar l-adattament tal-letteratura għaċ-ċinema.

Il-mistednin speċjali kollha għall-Festival, fosthom l-awtur lokali Alex Vella Gera, se jkollhom għadd ta’ attivitajiet ddedikati għax-xogħol tagħhom. Rosie Goldsmith ser imexxi wkoll workshop dwar il-ġurnaliżmu nhar l-Erbgħa, li għandu jkun ta’ interess kbir kemm għall-ġurnalisti kif ukoll għall-membri tal-pubbliku.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ bis-sħiħ biex isegwi s-sit tal-NBC u l-Facebook għall-iktar aħbarijiet fuq il-Festival. Sadanittant, żommu d-dati u għamlu bi żgur li ma titilfux din l-opprtunità kbira biex tieħdu sehem fl-ikbar ċelebrazzjoni tal-ktieb f’Malta u Għawdex.

Tista’ tniżżel verżjoni tal-poster b’riżoluzzjoni għolja minn hawn.