Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2018: attivitajiet u awturi

Minn meta l-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb saret il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb fl-2013, il-Festival dejjem jiftaħ b’konferenza. Il-konferenza ta’ dis-sena ser ikollha t-tema ta’ ‘Letteratura fid-Dijaspora’ u ser iseħħ fis-7 ta’ Novembru 2018 f’Sir Temi Zammit Hall (MCC), mis-7pm. Il-parteċipanti huma Lou Drofenik, il-kittieba Maltija Awstraljana li ngħatat l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2017 għar-rumanz ‘The Confectioner’s Daughter’, Vera Duarte, kittieba, poeta u attivista għad-drittijiet tal-bniedem minn Cabo Verde, l-awtur u traduttur Irlandiż Philip O’Ceallaigh u il-kittieb, poeta u akkademiku Nikola Petković mill-Kroazja.

Id-diskussjoni, immexxija mill-awtur lokali u l-ġurnalist Teodor Reljic, se tesplora l-wirt letterarju ta’ komunitajiet f’dijaspora f’kulturi differenti. Id-diskussjoni se tolqot ukoll l-impatt tat-traslokazzjoni kif esperjenzat u rifless fix-xogħlijiet tal-awturi li se jipparteċipaw fil-konferenza. Il-membri tal-udjenza se jkollhom l-opportunità li jikkontribwixxu għad-diskussjoni permezz ta’ mistoqsijiet u rimarki.

Bħas-soltu, l-awturi kollha li jipparteċipaw fil-konferenza se jidhru f’attivitajiet oħra matul il-Festival bħala mistednin speċjali. Fost dawn se jkun hemm attività ddedikata għall-ħajja u l-karriera artistika ta’ Lou Drofenik b’intervista mal-ġurnalista Ramona Depares, sessjoni ta’ mistoqsijiet mill-udjenza u ffirmar tal-kotba fl-istand tal-pubblikaturi Horizons.

Mistieden speċjali ieħor tal-Festival, l-awtur u l-kritiku Britanniku Michael Amherst, se jidher f’attività mtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb f’kollaborazzjoni ma’ MGRM, il-moviment Malti għad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ. Michael Amherst se jkun qed jitkellem dwar il-verità, il-bisesswalità u d-deżiderju, temi li jesplora fil-ktieb tiegħu “Go the Way your Blood Beats”. Amherst jaħdem ma’ Just Detention International u Howard League’s Independent Commission on Sex in Prisons fil-ħidma tiegħu bħala attivist kontra l-abbuż sesswali fil-ħabsijiet.

It-tema tat-traduzzjoni letterarja se tidher b’mod prominenti fl-edizzjoni ta’ dis-sena b’seminar fuq it-traduzzjoni ma’ Profs. Clare Vassallo u Tim Parks, l-awtur rinomat ta’ Teach us to Sit Still u The Server, nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Novembru fis-6:30 pm. F’attività separata, Tim Parks se jitkellem ma’ Ivan Callus dwar ix-xogħol tiegħu fil-letteratura fittizja u dik mhux fittizja.

Il-proġett rebbieħ tal-Konkors Letterarju tal-Films Qosra 2018 kien “Camilla”, proġett għal film qasir imsejjes fuq novella tal-istess titlu ta’ Clare Azzopardi, ippreżentat mill-kumpanija Shadeena. Il-film, li bħalissa jinsab fil-fażi ta’ produzzjoni, ser jintwera għall-ewwel darba matul il-Festival bħala parti minn attività li se tinkludi wkoll diskussjoni dwar l-adattament tal-films mad-direttur Stephanie Sant u Clare Azzopardi. Dan l-avveniment se jsir nhar is-Sibt 10 ta’ Novembru, mit-8: 30pm.

Il-programm kulturali tal-Festival bl-attivitajiet kollha se joħroġ fil-ġimgħat li ġejjin. Sadattant, il-membri tal-pubbliku huma mħeġġa jsegwu s-sit tal-Kunsill jew il-paġna FB għal aktar aġġornamenti u dettalji fuq il-programm.