Il-Fond Malti tal-Ktieb

Inizjattiva mnedija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex irawwem tkabbir kulturali fis-suq lokali tal-kotba

 

Niżżel kopja tal-Applikazzjoni (nota: L-applikazzjonijiet għas-sena 2017 jagħlqu f’12:00, 29 ta’ Ġunju)

Niżżel kopja tal-Appendiċi A

Il-kriterji tal-aġġudikazzjoni jinstabu f’punt 5 iktar l’isfel.

1. Introduzzjoni

Inizjattiva mnedija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex irawwem tkabbir kulturali fis-suq lokali tal-kotba.

Id-daqs relattivament żgħir tas-suq lokali tal-ktieb jillimita serjament il-kapital disponibbli għal pubblikazzjonijiet ta’ kwalità, għall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u r-riklamar. Dan ifisser li l-awturi lokali u l-pubblikaturi ta’ spiss ikollhom jagħżlu bejn proġetti ambizzjużi li jġorru magħhom riskji finanzjari kbar u proġetti ħafna iktar modesti. Għall-għan li jeħles l-awturi u l-pubblikaturi minn din id-dilemma kerha, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal darb’oħra qed jiftaħ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb sabiex tissaħħaħ il-fiduċja f’proġetti ġodda u l-inizjattivi fix-xena lokali.

L-għan ewlieni tal-fond huwa li jissussidja pubblikazzjonijiet ta’ kwalità li għandhom valur kulturali, edukattivi u intellettwali għoli imma li, fil-kuntest tas-suq lokali, mhumiex meqjusa bħala kummerċjalment vijabbli u allura ma jiġux ippubblikati.

Il-KNK ifittex fuq kollox li jsaħħaħ l-iżvilupp tal-industrija tal-ktieb Malti. Għal dan il-għan, il-Kunsill jixtieq jappoġġja awturi u pubblikaturi b’finanzjamenti ta ‘proġetti maħsuba biex dawn itejbu aktar il-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom. Dawn il-proġetti jistgħu jinkludu workshops, korsijiet u inizjattivi kulturali.

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed joħroġ minimu ta’ tmien għotjiet, b’total ta’ € 40,000, li għandhom jitqassmu bejn il-fondi għal pubblikazzjonijiet, il-fondi għall-edukazzjoni u dawk għar-reklamar barra minn Malta. L-għotjiet għandhom jitqassmu wara proċess rigoruż ta’ applikazzjonijiet li jieħu ħsiebu bord ta’ aġġudikazzjoni appuntat apposta.

Din l-inizjattiva hija parti mill-viżjoni tal-Kunsill li jkollu rwol ta’ aġent kulturali fis-soċjetà. Dan ifisser li l-Kunsill isir kontributur proattiv u progressiv fl-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali tas-soċjetà tagħna. Filwaqt li ammonti żgħar ta’ flus jistgħu jagħmlu differenza kbira meta jintefqu fuq proġetti ta’ pubblikazzjoni f’suq żgħir, iżda b’saħħtu, bħal ma hu is-suq lokali tal-ktieb, il-Kunsill jagħmel l-għalmu tiegħu biex jiżgura li l-flus jiġu allokati lil dawk l-applikanti li se jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi.

2. L-għanijiet tal-Fond

L-għan tal-Fond Malti tal-Ktieb huwa li jissussidja l-pubblikazzjoni ta’ kotba tal-Melitensia u biex jiffinanzja l-edukazzjoni ulterjuri, riċerka u żvilupp ta’ awturi u pubblikaturi. Il-kriterji tal-eliġibbiltà huma miftuħa kemm jista’ jkun biex jakkomodaw l-akbar numru possibbli ta’ inizjattivi differenti li, fl-opinjoni tal-Bord ta’ Aġġudikazzjoni, huma ta’ valur kulturali. Madankollu r-regolamenti japplikaw xorta f’kull każ.

Il-Fond Malti tal-Ktieb huwa maqsum f’żewġ partijiet:

  • Għotja għall-pubblikazzjoni
  • Għotja għall-edukazzjoni

Jekk jogħġbok aċċerta ruħek li tkun qrajt il-kriterji għal kull għotja sew qabel ma tħejji l-proposta tiegħek u tapplika għall-fondi.

Il-Fond tal-Ktieb se jaġixxi bħala estensjoni tal-ħidma ħolistika tal-Kunsill fix-xena lokali tal-kotba billi jgħolli l-livell tal-pubblikazzjoni, iħeġġeġ xogħlijiet ġodda u oqsma ġodda ta’ riċerka, u jippromovi l-kotba b’mod ġenerali biex itejjeb l-istatistika tal-litteriżmu f’Malta. Barra minn hekk, il-Fond Malti tal-Ktieb jikkontribwixxi fl-iżvilupp tal-arti tal-letteratura u tal-pubblikazzjoni billi jinvesti fl-iżvilupp u t-taħriġ artistiku u akkademiku ta’ awturi u pubblikaturi filwaqt li jinkoraġġixxi l-professjonaliżmu u l-innovazzjoni f’dawn l-oqsma.

3. Il-Kriterji għall-Applikazzjoni u l-Eliġibbiltà

Il-Fond tal-Ktieb hu miftuħ għal pubblikaturi u/jew awturi li japplikaw għal proġetti individwali u/jew għotjiet għall-edukazzjoni u l-ivvjaġġar.

Il-Fond tal-Ktieb ma jistax jintuża minn:

  • Membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
  • Impjegati tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
  • Entitajiet pubbliċi jew tal-istat
  • Applikanti preċedenti tal-Fond Malti tal-Ktieb li għadhom ma temmewx proġetti li kienu għamlu użu mill-istess fond.

Kull għotja ġġorr fond massimu ta’ €5,000.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Fond tal-Ktieb, din l-iskema tiddefinixxi diversi termini kif ġej:

Pubblikatur

Persuna jew grupp ta’ persuni li huma s-sidien ta’ dar tal-pubblikazzjoni li ppubblikat mill-inqas ktieb wieħed ta’ awtur wieħed.

Awtur

Persuna li ppubblikat jew ippubblikawlha ktieb jew storja jew artiklu fi ktieb.

Ktieb

Pubblikazzjoni li għandha ISBN maħruġ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Proġett

Il-ktieb li l-applikant qed jippjana li jippubblika b’fondi mill-Fond tal-Ktieb.

Bord tal-Aġġudikazzjoni

Il-bord tal-ġudikanti maħtur mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex jiġġudika u jqassam il-fondi fost l-applikanti.

Għotja

Għotja tista’ tkun għall-pubblikazzjoni, għall-edukazzjoni jew għall-promozzjoni barra minn Malta u tingħata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Melitensia

Kotba, elettroniċi jew le, ippubblikati f’Malta jew minn awturi Maltin jew dwar Malta jew bil-Malti jew dwar kwalunkwe aspett ta’ studji Maltin minn kwalunkwe awtur.

Għotjiet għall-Pubblikazzjoni

Pubblikaturi u/jew awturi li se jippubblikaw il-ktieb tagħhom stess, f’forma stampata jew bħala ebook jew it-tnejn, jistgħu japplikaw għal sussidji biex jippubblikaw ktieb wieħed jew aktar. Jekk l-applikazzjoni ssir għal proġett li jinkludi aktar minn ktieb wieħed, il-kotba jrid ikollhom tema jew kontenut komuni, sal-punt li l-Bord tal-Aġġudikazzjoni jista’ jissuġġerixxi li jiġu ppubblikati bħala sensiela.

Il-proġett irid jitqies bħala li għandu valur kulturali relevanti u m’għandux ikun wieħed li jista’ faċilment isostni lilu nnifsu jekk jitqassam fis-suq lokali bil-mezzi stabbiliti diġà. Kotba bi stil ta’ magażin, kompożizzjonijiet mużikali u kotba msejsin biss fuq stampi jew ritratti huma esklużi minn din l-iskema. It-traduzzjoni ta’ manuskritti u kotba lokali mill-Malti għal lingwi oħra wkoll hija eskluża mill-Fond Malti tal-Ktieb billi diġà teżisti skema fi ħdan il-Fond Malti għall-Arti (ara “Spreading Words”, Strand 4 tal-MAF Guidelines and Regulations jew Malta Culture Export Fund). Applikazzjonijiet għat-traduzzjoni ta’ kotba b’lingwi barranin għall-Malti huma permessi.

Fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, il-proġett irid ikun diġà jeżisti bħala pjan ta’ proġett dettaljat jew abbozz jew manuskritt komplut u jrid ikollu wkoll titlu propost. Iridu jiġu pprovduti l-iskop u l-għan tal-proġett, flimkien ma’ dettalji, referenzi u biblijografiji tal-awtur u l-pubblikatur.

L-għotja tista’ tiffinanzja l-artwork, l-editjar, ir-riċerka, id-dokumentazzjoni, l-illustrazzjoni, l-istampar, ir-reklamar u l-ħlas tal-awtur.

L-applikant irid jikteb deskrizzjoni qasira tal-proġett, li ma tkunx taqbeż l-1500 kelma u li fiha jiġi deskritt il-valur kulturali tal-proġett. Din id-deskrizzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni dwar għala jinħtieġu fondi għall-proġett, kif ukoll ġustifikazzjoni għall-fondi pprovduti.

L-applikant irid jipprovdi wkoll rendikont ta’ kif se jitqassam il-baġit, preferibbilment akkumpanjat minn stimi uffiċjali.

Fejn hu possibbli, mal-applikazzjoni għandhom jiġu mehmużin ukoll kopji ta’ artikli f’gazzetti datati b’mod ċar u printouts ta’ artikli ppubblikati online li jkomplu jenfasizzaw il-kawża tal-applikant.

Jekk jogħġbok għid jekk diġà rċevejtx finanzjament pubbliku fl-imgħoddi u elenka d-dati, l-ammonti u dettalji oħra relevanti dwar il-fondi li rċevejt.

Għotjiet għall-Edukazzjoni

Pubblikaturi u awturi jistgħu japplikaw għal għotjiet biex jattendu korsijiet qosra marbutin mal-qasam tax-xogħol tagħhom bħala kittieba, edituri u pubblikaturi. F’Appendiċi A hemm lista ta’ korsijiet qosra u inizjattivi li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb hu tal-fehma li l-awturi għandhom jattendu. Madankollu jiġi kkunsidrat kwalunkwe kors jew esperjenza edukattiva li tista’ tkun ta’ kontribut fil-linja tax-xogħol tal-applikant.

L-għotja tista’ tiffinanzja vjaġġar, akkomodazzjoni u ħlas għall-parteċipazzjoni.

L-applikant għandu jikteb mhux aktar minn 1000 kelma biex jiddeskrivi l-importanza u l-valur tal-inizjattiva proposta għal vjaġġar u edukazzjoni.

L-applikant irid jipprovdi rendikont ta’ kif se jintefqu l-flus, preferibbilment akkumpanjat minn stimi uffiċjali.

Fejn hu possibbli, mal-applikazzjoni għandhom jiġu mehmużin ukoll kopji ta’ artikli f’gazzetti datati b’mod ċar u printouts ta’ artikli ppubblikati online li jkomplu jenfasizzaw il-kawża tal-applikant.

Jekk jogħġbok għid jekk diġà rċevejtx finanzjament pubbliku fl-imgħoddi u elenka d-dati, l-ammonti u dettalji oħra relevanti dwar il-fondi li rċevejt.

4. Id-dokumenti meħtieġa

  1. Kopja tal-karta tal-identità tal-applikant (quddiem u wara).
  2. Formola tal-applikazzjoni (speċifika għal liema għotja).
  3. Proposta
  4. Rendikont ta’ kif se jintefqu l-flusu (inklużi kopji tal-istimi).
  5. Referenzi biblijografiċi tal-applikant u/jew tal-proġet propost mill-awtur.
  6. Referenzi biblijografiċi relevanti oħrajn.
  7. Referenzi addizzjonali minn terzi li jappoġġaw il-proġett jew l-applikazzjoni (tgħodd biss f’każ ta’ għotjiet għall-pubblikazzjoni).
  8. Kopji ta’ artikli ppubblikati fil-gazzetti.
  9. Lista ta’ finanzjament pubbliku li sar fl-imgħoddi.

5. Il-kriterji tal-aġġudikazzjoni

Il-bord tal-aġġudikazzjoni jista’ jiddeċiedi li jiffinanzja proġett partikolari jew applikazzjoni b’mod komplet jew parzjali.

Il-bord tal-aġġudikazzjoni jista’ jsejjes il-ġudizzju tiegħu skont l-applikazzjoni individwali.

Il-bord tal-aġġudikazzjoni jista’ jiddiskrimina kontra xi applikazzjonijiet sabiex jistabbilixxi miri ta’ finanzjament għall-għotjiet skont ċerti prijoritajiet li l-bord iqishom importanti fiċ-ċirkostanzi kurrenti tas-suq tal-kotba.

F’każijiet fejn applikazzjoni għal proġett tiġi rifjutata, il-bord tal-aġġudikazzjoni jgħarraf lill-applikant billi joħroġ riżultat uffiċjali li jinkludi spjegazzjoni. Li wieħed ma jirnexxilux jikkwalifika ma jfissirx li ma jistax japplika mill-ġdid bl-istess proġett jew proġett differenti meta terġa’ toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet. Ħadd ma jista’ jissottometti aktar minn proposta waħda fl-istess ħin.

Id-deċiżjoni tal-bord tal-aġġudikazzjoni hija finali u ma tistax tiġi kkontestata.

Għotjiet għall-Pubblikazzjoni

Tingħata preferenza lil:

  • Proġetti ta’ importanza kulturali, edukattiva u intellettwali għas-soċjetà.
  • Applikazzjonijiet b’viżjoni u ideali konkreti wara l-proġett, u li għandhom għan ċar u defnit ta’ fejn il-proġett irid jasal mil-lat ta’ kontenut, riżultat u rispons tal-udjenza li trid tintlaħaq.
  • Proġetti li mhumiex ħafna kummerċjalment vijabbli minkejja l-importanza tagħhom.
  • Applikazzjonijiet li jipprovdu deskrizzjoni raġonevoli ta’ kif u għaliex il-proġett tagħhom għandu valur kulturali, edukattiv, akkademiku u letterarju għas-soċjetà inġenerali.
  • Applikazzjonijiet li għandhom l-appoġġ ta’ terzi permezz ta’ referenza leġittima bil-miktub.
  • Applikazzjonijiet b’baġits realistiċi u akkumpanjati minn stimi uffiċjali.

Proġett b’valur kulturali jista’ jkun:

  • Kwalunkwe proġett ta’ proża, poeżija, riċerka u dokumentazzjoni li bil-kwalità u l-oriġinalità tiegħu jiddistingwi ruħu minn kotba li ġew ippubblikati b’tema simili.
  • Proġett letterarju jew akkademiku li jkun ta’ kwalità tajba ħafna iżda li tant ikun estensiv u partikolari li jkun jinħtieġ l-għajnuna ta’ editur speċjalizzat ħafna biex jitlesta, jew inkella jkunu meħtieġa aktar riċerka u xogħol mill-awtur innifsu biex il-manuskritt jitlesta.
  • Kwalunkwe proġett li jista’ jitqies innovattiv fl-oqsma letterarji jew akkademiċi lokali, u li jiftaħ opportunitajiet ġodda fix-xena tal-kotba lokali u fis-soċjeta ġenerali.

Għotjiet għall-Edukazzjoni

Tingħata preferenza lil:

  • Awturi u pubblikaturi li jagħtu ġustifikazzjoni raġonevoli dwar kif il-workshop jew l-attività li se jattendu se tikkontribwixxi fil-linja tax-xogħol tagħhom, sew jekk fil-qasam tal-kitba kreattiva jew akkademika u sew jekk fil-qasam tal-pubblikazzjoni jew l-editjar.
  • Awturi u pubblikaturi li jagħtu ġustifikazzjoni raġonevoli dwar kif se jużaw b’mod prattiku l-workshop jew attività edukattiva li se jattendu biex tkun ta’ benefiċċju għall-proġett partikolari li qed jaħdmu fuqu.
  • Awturi u pubblikaturi li juru rieda li jitgħallmu u jwessgħu l-orizzonti tagħhom.
  • Applikazzjonijiet b’baġits realistiċi u akkumpanjati minn stimi uffiċjali.

 Aktar tagħrif

Għal aktar tagħrif dwar kif wieħed jista’ japplika, jista’ jsir kuntatt ma’ John Grech (Maniġer tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb) fuq [email protected]

Kif tapplika

Sew jekk qed tapplika bħala individwu u sew jekk bħala kumpanija, fl-applikazzjoni għandek tinkludi l-indirizz uffiċjali, numru tat-telefown u indirizz tal-imejl. Kun ċert ukoll li tiffirma kull dokument u tikteb fuqu d-data ta’ meta qed issir l-applikazzjoni, qabel ma tagħmel il-kopji.

Kull sejħa għal-applikazzjonijiet tagħlaq f’nofsinhar (12:00), iżda wieħed jista’ jissottometti l-applikazzjoni tiegħu (4 kopji identiċi u kompluti f’folders separati u b’labels ċari) lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qabel id-data stipulata. Dan jista’ jsir mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-09:00 u 12:00 u bejn is-13:30 u l-16:30. Ċempel fuq+356 27131574  biex tagħmel appuntament.

L-applikazzjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb għandhom jittieħdu personalment fl-uffiċċju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb:

KNK, It-Tieni Sular, Il-Librerija Pubblika Ċentrali, Triq il-Prof. J. Mangion, il-Furjana, FRN1800.