Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-KNK jippreżenta Konferenza dwar il-Letteratura u Totalitarjaniżmu waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jiftaħ bil-konferenza tant mistennija dwar il-Letteratura u t-Totalitarjaniżmu. Għadd ta’ mistiedna speċjali, fosthom Basma Abdel Aziz, Patrick McGuinness, Alek Popov u Immanuel Mifsud, ser jieħdu sehem f’taħditiet ma’ Jurgen Balzan (ġurnalist) fuq it-tema ta’ kif il-letteratura tipikament tirrispondi għall-impatt politiku ta’ sistemi ta’ gvern li jfittxu li jifggħu l-espressjoni tal-individwu f’kull qasam soċjali. B’mod partikolari meta din l-oppressjoni tieħu l-forma ta’  attakk fuq il-lingwa nnifisha.

Basma Abdel Aziz, il-kittieba Eġizzjana tar-rumanz distopjan The Queue, hija attiva ħafna fil-qasam tal-ħidma għad-drittijiet tal-bniedem u taħdem bħala psikologa sabiex tgħin lil vittmi ta’ abbuż mill-pulizija u l-armata Eġizzjana. Kienet preżenti f’pajjiżha meta seħħet ir-Rebbiegħa Għarbija u rat b’għajnejha d-diżappunti ta’ wara r-rivoluzzjoni. Il-parteċipazzjoni tagħha għandha żżomm id-diskussjoni fl-ambitu ta’ dak li hu reali u attwali.

Patrick McGuinness, minn-naħa l-oħra, ser joffri perspettiva storika. Huwa l-kittieb ta’ The Last Hundred Days, rakkont realistiku tat-tmiem ta’ wieħed mill-agħar gvernijiet fl-Ewropa tal-Lvant qabel il-waqa’ tal-Unjoni Sovjetika. Ta’ min jinnota li l-awtur nnifsu ra il-waqa’ ta’ dan il-gvern mill-qrib peress li kien jgħix fil-pajjiż dak iż-żmien.

Iż-żewġ rumanzi ta’ Alek Popov, Mission: London u The Black Box, huma mfassla fuq l-istess realtajiet ġeopolitiċi iżda b’ton satiriku qawwi ħafna. Huma jħarsu ukoll mill-perspettiva storika sabiex jilħqu il-preżent li jixhed forma ġdida u possibbilment iktar qerrieda ta’ totalitarjanizmu – il-kapitaliżmu neoliberali.

Sabiex indaħħlu l-istorja tagħna ukoll fl-istampa, il-kittieb u poeta Immanuel Mifsud ġie mistieden sabiex jagħti fehmtu fuq iż-żmien ta’ nkwiet f’pajjiżna, it-tmeninijiet, u fuq kif dawn iż-żminijiet daħħlu dak it-tip ta’ taħwid u firda soċjali li normalment hija assoċjata ma’ totalitarjanizmu.

Il-pubbliku huwa mistieden jissieħeb magħna ġewwa Sala Temi Zammit, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, l-Belt Valletta nhar l-Erbgħa 9 ta’ Novembru, 2016 fis-19:00.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm kulturali tul il-ħamest ijiem tal-Festival:

Web: http://ktieb.org.mt/?page_id=139&lang=mt

Facebook: https://www.facebook.com/events/1951963831697045/