Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-Qofol tal-London Book Fair 2017 għal Malta

Il-qofol tal-London Book Fair ta’ din is-sena għal Malta kien Walid Nabhan bir-rumanz tiegħu “L-Eżodu taċ-Ċikonji”, ippubblikat oriġinarjament bil-Malti minn Klabb Kotba Maltin. Ir-rakkont, li għalkemm skomdu għall-aħħar, xorta waħda jqanqal sentimenti qawwija, idur madwar Nabil, refuġjat Palestinjan li jsib ruħu maqbud fid-dilemma ta’ hawn-u-hemm, issa-u-imbagħad. Fl-2014 ir-rumanz rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Huwa l-ewwel rumanz rebbieħ tal-premju li nkiteb minn persuna li ma jitkellimx il-Malti bħala l-ewwel ilsien tiegħu, ħaġa li fiha nnifisha għandha importanza kbira għall-istorja tal-letteratura moderna ta’ pajjiżna.

Nabhan huwa leħen relattivament ġdid fix-xena letterarja Maltija. Twieled f’Amman, il-Ġordan fl-1966 ġo familja ta’ refuġjati Palestinjani li waslu l-Ġordan minn raħal żgħir fl-inħawi ta’ Hebron ġewwa l-Palestina. L-esperjenza ta’ tfulija fil-Ġordan bħala t-tifel ta’ refuġjati Palestinjani kienet qarsa ħafna – Nabhan tgħallem mit-tfulija jagħraf l-inġustizzja ta’ sistema li tqis familji bħal tiegħu ċittadini ta’ klassi baxxa. Wara li qatta’ xi żmien il-Jugoslavja bħala student tal-inġinerija, huwa spiċċa jservi fl-armata tal-Ġordan, fejn qatta’ ħafna mis-sentejn tas-servizz obbligatorju stazzjonat fid-deżert. Kien matul dan iż-żmien li għall-ewwel darba ħass it-tqanqil u l-ħsibijiet li kellhom jagħtu għamla kemm lill-proża kif ukoll lill-poeżiji tiegħu.

Bl-għajnuna ta’ ħuh, li dak iż-żmien kien impjegat fl-Ambaxxata tal-Palestina bħala operatur tar-radju, Nabhan wasal Malta fl-1990, fejn beda l-istudji tiegħu fit-teknoloġija tal-laboratorji. Fl-1998 iggradwa fil-Biomediċina mill-Università ta’ Bristol fl-Ingilterra. Ftit snin wara, fl-2003, kiseb Masters fid-Drittijiet tal-Bniedem u l-Proċess tad-Demokrazija mill-Università ta’ Malta.

13045387_10209648438435749_1219955864_n

Kien f’dak iż-żmien, ftit iktar minn għaxar snin wara li wasal Malta, li Nabhan beda jikteb bil-Malti. Fost ix-xogħol ippubblikat insibu żewġ ġabriet ta’ novelli bil-Malti, “Lura d-Dar u ġrajjet oħra li ma ġrawx” (2009) u “Leħen tal-Fuħħar” (2012), kif ukoll ġabra ta’ poeżiji “Fi Triqti Lejha” (2014). Poeżiji u artikli tiegħu dehru f’ħafna pubblikazzjonijiet u antoloġiji. Min-naħa l-oħra, “L-Eżodu taċ-Ċikonji” huwa l-iktar xogħol awtobijografiku tiegħu s’issa.

 

Minn meta dan ir-rumanz rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2014, il-promozzjoni tiegħu fis-suq internazzjonali saret prijorità kbira għalina. Illum il-ġurnata nistgħu bi pjaċir kbir inħabbru li grazzi għall-istrateġija tagħna, kif ukoll għall-appoġġ kontinwu ta’ Klabb Kotba Maltin, “L-Eżodu taċ-Ċikonji” ser ikun ippubblikat fl-Ingilterra u l-Lebanon.

Ezodu_Cover_280_420