Kummenti huma off għal din il-kariga

Konkors Letterarju tal-Arti: Sejħa għall-Artisti

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed joħroġ sejħa għall-artisti biex jieħdu sehem f’konkors letterarju tal-arti viżwali. Parteċipanti huma mitluba joħolqu xogħol imsejjes fuq kitba letterarja Maltija tal-għażla tagħhom. Massimu ta’ għaxar xogħlijiet se jintgħażlu minn ġurija skond il-kriterji msemmija hawn taħt. Ix-xogħlijiet li jintgħażlu ser jidhru f’wirja li ser iseħħ fil-Perellos Suite f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi matul l-edizzjoni li jmiss tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, 8-12 ta’ Novembru 2017.

Ix-xogħlijiet jistgħu jinkludu pitturi, arti diġitali, fotografija jew skulturi u se jkunu għall-bejgħ matul il-wirja bi prezz stipulat mill-artist innifsu. Id-dħul mill-bejgħ se jkun tal-artisti li pproduċew ix-xogħol. Barra minn hekk, l-istess ġurija indipendenti se tagħżel xogħol eċċezzjonali għal nomina speċjali tal-ġurija. L-artisti tax-xogħlijiet magħżula se jiġu onorati waqt il-ftuħ tal-wirja f’Novembru 8, f’ċerimonja li fiha se jingħataw ċertifikat ta’ rikonoxximent. L-artist tax-xogħol li jirċievi n-nomina speċjali tal-ġurija se jingħata wkoll premju monetarju ta’ 1000 euro.

Artisti interessati huma mitluba jaqraw bir-reqqa l-kriterji tal-għażla u r-regoli kif jidhru hawn taħt. L–applikazzjonijiet għandhom jinkludu ritratti ta’ riżoluzzjoni għolja tax-xogħol oriġinali u kwotazzjoni mit-test letterarju li fuqu ġie msejjes ix-xogħol tal-arti.

Il-kriterji:

1. Oriġinalità tal-kunċett: konsiderazzjoni speċjali se tingħata lil xogħlijiet li juru tentattiv ġenwin biex jaqbdu, b’mod viżiv, it-temi u l-lingwaġġ simboliku tax-xogħol letterarju b’mod oriġinali u sorprendenti.

2. Teknika: L-eżekuzzjoni teknika tax-xogħlijiet se tiġi evalwata bir-reqqa mill-ġurija.

3. Valur Letterarju: Artisti huma mħeġġa jaħsbu dwar il-valur letterarju tat-test li huma jagħżlu bħala sors ta’ ispirazzjoni għax-xogħol tagħhom. Waqt li għandu jkun ċar li dan il-kriterju ma għandux l-istess importanza ta’ kriterji (1) u (2), il-ġurija se tevalwa wkoll ix-xogħolijiet li jiddaħħlu għall-konkors fid-dawl tal-fatt li l-wirja ser tkun parti mill-programm kulturali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

Ir-Regoli:

1. Ix-xogħlijiet li jiddaħħlu għall-konkors għandhom ikunu xogħlijiet oriġinali tal-arti, maħluqa mill-parteċipant innifsu u li qatt ma dehru f’wirjiet preċedenti jew li ġew ippubblikati f’għamla jew oħra qabel.

2. Xogħlijiet imsejsa fuq pubblikazzjonijiet lokali biss jistgħu jiddaħħlu għall-konkors.

3. Fil-każ ta’ xogħlijiet ta’ pittura, arti diġitali jew fotografija, ix-xogħlijiet għandhom ikunu mhux ikbar minn 90×90 ċentimetru u fil-każ ta’ skulturi dawn m’għandhomx jaqbżu l-għoli ta’ 180 ċentimetru u jokkupaw wisa’ ta’ raġġ ikbar minn 30 ċentimetru.

4. Id-deċiżjoni tal-ġurija rigward l-għażla tax-xogħlijiet għall-wirja u n-nomina speċjali hija finali.

5. Applikazzjonijiet għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa. Kull applikazzjoni għandha tinkludi a) ritratti ta’ riżoluzzjoni għolja tax-xogħlijiet (fil-każ ta’ xogħlijiet ta’ skultura, huwa rakkomandabbli li jkollhom mill-inqas tliet ritratti tax-xogħol), b) it-titolu tax-xogħol letterarju li fuqu ġie msejjes ix-xogħol tal-arti, flimkien ma’ kwotazzjoni mit-test u c) dikjarazzjoni ffirmata mill-artist li fiha jsostni li x-xogħol huwa oriġinali u li qatt ma deher f’wirjiet preċedenti jew f’forma stampata qabel.

Applikazzjonijiet għandhom ikunu indirizzati lill Mr.Joe Debattista u jintbagħtu lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Librerija Pubblika Ċentrali, Prof J. Mangion Street, Floriana, FRN 1800,  Malta, mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2017. Għal aktar tagħrif membri tal-pubbliku huma mitluba jiktbu lil John Grech fuq [email protected] jew lil Simona Cassano fuq [email protected]