Kummenti huma off għal din il-kariga

Mill-karta għall-ktieb – L-arti tal-legatorija waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2018

X’inhu l-proċess li bih jinħadem ktieb bl-idejn? L-artist u l-poeta Glen Calleja se jkun qiegħed jagħti workshop fuq l-arti tal-legatorija waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus fuq il-quadrangle tal-Università, l-Erbgħa 21 ta’ Marzu fil-11.00 am. Glen se jkun qed jagħmel dimostrazzjoni prattika dwar kif jinħadem ktieb.

Liema huma l-elementi li jagħmlu ktieb? Il-mistoqsija hi pertinenti għaliex il-Punent jara l-ktieb bħala kontributur ċentrali għal-valuri taċ-ċiviltà (eż. Il-Bibja, l-kodiċi legali) u minħabba l-opportunitajiet ġodda aċċessibbli għall-artisti u għal-legatorija illum. Kemm-il struttura ta’ ktieb nafu biha, u x’jagħżel struttura minn oħra?

Dan il-workshop se jkun qiegħed jirrispondi dawn il-mistoqsijiet, waqt li jiffoka fuq xi prinċipji tas-sengħa tal-legatorija tradizzjonali u kif din tista’ tintuża biex jinħolqu kotba ġodda. Se tingħata spjegazzjoni qasira tal-għodda u l-metodi ta’ kif jiġi ddisinjat ktieb mill-idea inizjali sal-prodott aħħari. Il-preżentazzjoni tittratta wkoll id-disinn kontemporanju.  

Glen hu l-fundatur ta’ Kotba Calleja, u beda numru ta’ kollaborazzjonijiet artistiċi ma’ artiġjani u artisti.

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti, b’attivitajiet bejn id-9.00am sal-4.00 pm. Il-Ġimgħa l-attivtajiet jibqgħu sejrin sat-tard. Il-Festival għandu l-għan li jippromwovi l-letteratura waqt li jagħti spazju lill-pubblikaturi u lid-distributuri tal-kotba biex jippromwovu u jbigħu l-pubblikazzjonijiet tagħhom. Il-programm tal-Festival huwa varjat u joffri firxa wiesgħa ta’ avvenimenti li jolqtu l-interessi ta’ ħafna, u jinkludi tnedijiet ta’ kotba, taħditiet u films, workshops u mużika lajv.

Għal aktar tagħrif dwar dan il-workshop u l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb www.ktieb.org u l-paġna Facebook. Il-programm dettaljat jista’ jitniżżel minn hawn.