Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa entità pubblika li toffri lill-industrija tal-Ktieb Malti bosta servizzi importanti filwaqt li tħeġġeġ il-qari u tmexxi ’l quddiem il-ktieb bħala mezz ta’ komunikazzjoni fl-għamliet kollha tiegħu. Fost avvenimenti ta’ skala kemm żgħira u kemm nazzjonali jorganizza l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, jamministra l-Jeddijiet tas-Self Pubbliku, jorganizza konkorsi letterarji u huwa wkoll l-aġent lokali għall-ISBN u l-ISMN. L-attitudni kulturali u l-approċċ multimidja tiegħu jippermettulu jaħdem b’mod dirett mal-industrija tal-ktieb . B’danakollu bħala entità jaqa’ fl-ambitu tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u dejjem tqies bħala parti sħiħa mill-infrastruttura edukattiva pubblika. Il-Malta Libraries, li hija l-entità responsabbli mil-libreriji pubbliċi kollha inkluża l-Librerija Nazzjonali, hija entità separata u distinta li taħdem mill-qrib mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.