Kummenti huma off għal din il-kariga

Mistiedna lokali ewlenin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb: Lou Drofenik u Victor Fenech

Bħalma ġara fis-snin ta’ qabel, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jkun opportunità għall-pubbliku ġenerali biex jiltaqa’ u jsir jaf aktar mill-qrib dwar il-wirt letterarju ta’ awturi Maltin li se jkunu qed jiġu ċċelebrati b’avvenimenti differenti tul il-ħamest ijiem tal-Festival. Dis-sena jmiss lil Lou Drofenik u Victor Fenech, it-tnejn rebbieħa ta’ premji relatati mal-kitba letterarja tagħhom.

Lou Drofenik, li kibret f’Malta u issa tgħix f’Victoria, l-Awstralja, rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2017 fil-kategorija tar-rumanzi bil-Malti u l-Ingliż, bir-rumanz tagħha The Confectioner’s Daughter (Horizons, 2016), rumanz dwar l-imħabba, l-innoċenza mitlufa u sfidi fuq livelli differenti, bħal dak personali u finanzjarju. Huwa wkoll ċelebrazzjoni tal-ħajja tal-mara Maltija, tal-kuraġġ u r-reżiljenza tagħha, kif ukoll tar-relazzjonijiet familjari intensi tagħha.

Fuq livell usa’, il-kitba fittizja ta’ Lou tissejjes madwar riċerka storika estensiva, u tiffoka fuq l-esperjenza tal-migranti f’kuntest Malti-Awstraljan. Xogħolha hu ta’ min jinnutah l-aktar minħabba mistoqsijiet li tqajjem dwar l-identità Maltija u migrattiva, u ġie mfaħħar għall-mod kif ittratta l-perspettiva u l-esperjenzi femminili, b’mod distint ‘mill-punto di vista predominentament patrijarkali’ li timla t-tradizzjoni letterarja Maltija. Hi u tagħti vuċi lil karattri nisa tas-soċjetà Maltija, Lou qed tikkontribwixxi biex issejjes u tinfluwenza x-xena intellettwali u lokali ġdida. Ir-rebħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb hu wkoll att sinjifikattiv, għax tradizzjonalment dil-kategorija kienet iddominata minn awturi rġiel.

Flimkien ma’ 3 mistiedna internazzjonali oħra, Nikola Petković, Philip ò Ceallaigh u Vera Duarte, Lou se tkun qed tiddiskuti r-realtajiet differenti taċ-ċaqliq minn pajjiż għal ieħor u l-mod kif dawn jiġu riflessi fil-letteratura waqt il-konferenza tal-ftuħ tal-Festival jisimha ‘Il-Letteratura tad-Dijaspora’, l-Erbgħa 7 ta’ Novembru fis-7pm.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qed jagħlaq ukoll il-Festival b’attività speċjali mtellgħa mal-pubblikaturi tagħha Horizons, iddedikata lil Lou Drofenik. Il-Ħadd, 11 ta’ Novembru fis-7.15pm, il-ġurnalista Ramona Depares se tintervista lil Lou dwar il-kotba l-ġodda tagħha, fosthom Love at the Time of the Inquisition, li hu wieħed mill-finalisti għall-Premju Nazionali tal-Ktieb, u The Reluctant Healer.

Victor Fenech ilu jikteb il-poeżija bil-Malti u l-Ingliż sa mill-1965 meta ppubblika l-ewwel ktieb ta’ poeżiji Maltin jismu Kwartett. Rebaħ il-premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kitba fl-2017, premju maħsub biex jonora ħajja ta’ ħidma letterarja, mhux biss għall-produzzjoni letterarja tal-kittieb iżda wkoll għall-kontribut tiegħu fil-qasam tal-istudju letterarju, fl-edukazzjoni ta’ komunitajiet lokali u għat-trawwim tal-kultura letterarja lokali.

Victor Fenech kien wieħed mill-ewwel membri tal-Moviment Qawmien Letterarju, kif ukoll l-editur ta’ Il-Polz, l-organu tal-moviment. Ħadem ħafna biex jippromwovi l-letteratura Maltija u biex iħeġġeġ kittieba ġodda jippubblikaw ix-xogħol tagħhom. Ippubblika għadd kbir ta’ kotba tal-poeżija, ġabra ta’ novelli, u studji kritiċi fuq poeti u artisti lokali. 

Parti waħda mil-legat ta’ Victor Fenech fil-letteratura Maltija hija l-introduzzjoni tal-ġeneru tal-poeproża li deher għall-ewwel darba f’Altamira fl-1979.

Tul il-vjaġġ poetiku tiegħu, Fenech mhux biss esperimenta bil-forma poetika, iżda wkoll bil-kontenut. Il-qarrej jista’ jħoss b’mod ċar il-kuxjenza soċjopolitika tal-awtur, li taf tkun ukoll ta’ kontrokurrent għall-awtoritajiet stabbiliti tas-soċjetà. L-ambjent hu wkoll tema persistenti fil-poeżija tiegħu, speċjalment meta jikkundanna t-telfa tal-inħawi naturali minħabba l-iżvilupp eċċessiv.

Il-karriera letterarja ta’ Victor se tun iċċelebrata b’attività l-Ħamis, 8 ta’ Novembru, fit-8pm. Din hija opportunità unika għall-pubbliku biex jiltaqa’ mal-awtur rinomat. Se jkun hemm diskussjoni, qari magħżul mix-xogħijiet tiegħu, jintwera film dwar l-awtur, u fl-aħħar sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba mal-udjenza.

Hija prerrogativa għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li jkun dejjem fuq quddiem bħala pjattaforma għal awturi stabbiliti u ġodda bis-saħħa tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Minkejja dan, b’avvenimenti li jiċċelebraw awturi li kkontribwixxew għax-xena letterarja Maltija fil-passat, iżda anki bħalissa, il-Kunsill irid juri li meta jiċċelebra awturi bħal Lou u Victor ikun ukoll qed jittama biex dan iservi bħala imbuttatura u ispirazzjoni għal awturi ġodda jew żgħar.

.