Kummenti huma off għal din il-kariga

Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2017

 

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2017 għall-kotba ppubblikati fl-2016 se jiġi ċċelebrat din il-ġimgħa nhar il-Ħamis 7 ta’ Diċembru fil-Berġa ta’ Kastilja. Minn total ta’ 35 finalist f’sitt kategoriji, minbarra l-kategorija ta’ drama li fiha l-ebda xogħol ma kien magħżul, ir-rebbieħa f’kull kategorija se jiġu mħabbra u mistiedna, flimkien mal-pubblikatur tal-ktieb rebbieħ, biex jilqgħu il-premju. Iċ-ċerimonja ser iseħħ taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru.

Il-Premju, li l-istorja tiegħu tmur lura għall-1971, jinkludi seba’ kategoriji b’kollox. Jinkludi wkoll premjijiet speċjali ta’ rikonoxximent, bħall-premju prestiġġjuż għal Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kitba u l-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti. Il-Premju Terramaxka, li ċ-ċerimonja tal-premjazzjoni tiegħu ġiet iċċelebrata f’avveniment magħluq f’Dar il-Mediterran nhar it-Tlieta 7 ta’ Novembru, jippremja kotba għal tfal u adulti żgħar, filwaqt li l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa aktar orjentat lejn l-adulti bil-kategoriji ta’ poeżija, drama, traduzzjoni, riċerka bijografika u istoriografika, u riċerka ġenerali.

Kważi l-kategoriji kollha kienu rappreżentati sew fil-lista tal-finalisti ta’ din is-sena, b’mod partikolari l-kategorija tar-rumanzi u ż-żewġ kategoriji ta’ riċerka. Fost l-awturi relattivament ġodda fil-lista tal-finalisti, insibu lil Jean Paul Borg b’ġabra ta’ stejjer qosra Mhux Nies u Lara Calleja b’ Lucy Min? Il-lista tal-finalisti tal-Premju ħarġet aktar kmieni din is-sena, f’Awwissu, u membri tal-pubbliku huma mħeġġa biex jaqraw b’attenzjoni din il-lista bħala indikatur affidabbli tal-aħjar letteratura ppubblikata fl-2016. Huwa wkoll interessanti li wieħed jinnota li l-lista ta’ finalisti fil-kategorija tar-rumanzi għandha numru rekord ta’ kotba miktuba minn nisa (3 mis-6 kontendenti huma nisa).

Ir-riżultati se jitħabbru minnufih wara ċ-ċerimonja nhar il-Ħamis 7 ta’ Diċembru bi stqarrija stampa li se tiġi ppubblikata fuq il-websajt u l-FB tal-KNK, kif ukoll fil-gazzetti lokali.