Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed iniedi programm ġdid tat-TV f’kollaborazzjoni ma’ Antonella Axisa. Il-programm iġib l-isem ta’ “Wiċċ imb Wiċċ” u kull episodju huwa mfassal fuq il-qari ta’ silta minn xogħol letterarju Malti kontemporanju. Il-qari ser isir minn Antonella Axisa.

Il-programm se jixxandar fuq it-TV Nazzjonali kull nhar ta’ Tlieta fis-7:30 ta’ filgħaxija qabel l-aħbarijiet tat-8. Verżjoni itwal tal-programm ser tidher fuq il-kanal tal-Kunsill fuq Youtube il-ġurnata ta’ wara fejn Antonella ser tkun qed titħaddet fil-fond mal-awtur dwar għadd ta’ mistoqsijiet u suġġetti relatati mal-ktieb – is-sors ta’ ispirazzjoni, il-kuntest soċjo-politiku tan-narrativa, il-viżjoni tal-kittieb, eċċ. Min jixtieq isegwi l-verżjoni sħiħa tal-programm, jista’ jagħmel dan direttament mill-paġna FB tal-Kunsill.

L-ewwel episodju se jidher nhar it-Tlieta 3 ta’ Ottubru, il-ġimgħa d-dieħla, u ser jittratta r-rumanz Fittixni ta’ Antoinette Borg. Fittixni ġie magħżul bħala finalist għall-Premju Terramaxka 2017 fil-kategorija ta’ xogħlijiet oriġinali għall-etajiet 13 – 16. Il-kittieba, Antoinette Borg, rebħet il-Konkors Letterarju ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2017.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lil Antonella Axisa, il-ħaddiema tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Impjieg li ħadu ħsieb id-dettallji tekniċi, kif ukoll lill-Brikkuni tal-permess sabiex tintuża’ l-mużika tagħhom fil-programm. Fl-istess ħin jistieden lill-pubbliku jsegwi l-programm kemm fuq it-TV, kif ukoll fuq il-kanal tal-Kunsill fuq Youtube.


Share Article