Inkomplu s-sensiela ta’ intervisti ma’ awturi b’taħdita ma’ Clare Azzopardi dwar il-ktieb tagħha Kulħadd Ħalla Isem Warajh

 

Clare Azzopardi tikteb kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti. Hija l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College ta’ l-Università ta’ Malta u għal bosta snin kienet membru attiv ta’ Inizjamed. Ix-xogħol tagħha ġie tradott f’diversi lingwi u deher f’għadd ta’ ġabriet letterarji, fosthom Transcript, In Focus, Cúirt 21, Skald, Words Without Borders u Novel of the World. Azzopardi ppubblikat wkoll 2 kotba ta’ novelli. It-tnejn li huma rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb – Il-Linja l-Ħadra u Kulħadd ħalla isem warajh.

 

 

 

 

M. Kulħadd Ħalla Isem Warajh ġie deskritt minn ħafna qarrejja bħala eżempju ewlieni ta’ letteratura femminista lokali. Dan x’aktarx għax in-narrazzjoni ddur ma’ nisa u l-punt di vista tal-istess narrazzjoni huwa dejjem ta’ mara, ħaġa li għadha rari fil-letteratura lokali. Min-naħa l-oħra, bosta mill-karattri fin-novelli għandhom preżenza pjuttost spettrali – f’każ minnhom (Gracey) litteralment, iżda l-istess jista’ jintqal fuq Polly, Camilla, Rita. L-ewwel nett, kemm taqbel mat-tabella ‘femminista’? U, jekk dan huwa l-każ, tara l-preżenza spettrali tal-karattri paradossali? Hemm, forsi, forma ta’ protesta moħbija fir-rappreżentazzjoni nnifisha?

T. Il-letteratura Maltija, (almenu dik li trabbejt biha jien) ma tatniex biżżejjed nisa kittieba u nisa protagonisti. Fir-rakkont tal-letteratura Maltija, il-mara hija minsija. Il-protagonisti huma l-kittieba ta’ qabel l-Indipendenza u dawk ta’ wara l-Indipendenza. Il-kittieba huma kollha rġiel u kollox huwa maskili. Għal ħafna żmien, il-letteratura Maltija, il-letteratura li jien nagħmel parti minnha, ma rrakkontatx in-nisa kittieba, ħalliet barra ħafna temi, u sal-lum, il-kittieba nisa mhumiex il-protagonisti. Li n-nies iqisuni bħala femminista, xejn ma ddejjaqni. Il-femminiżmu huwa moviment u huwa forma ta’ protesta u xejn ma niddejjaq li nagħmel parti minnu. Sintendi hemm teoriji differenti fi ħdan il-femminiżmu u mhux il-każ li nidħol fihom hawnhekk, imma l-għan prinċipali li nikteb in-nisa kien proprju li nisfida l-kuntest li fih tqiegħdet il-mara mir-raġel fil-letteratura Maltija: ħafna drabi, il-mara-omm li trabbi sew lil uliedha, li toqgħod għal dak li jgħid żewġha, li tkun ta’ eżempju; inkella l-mara-oġġett li taqdi l-bżonnijiet sesswali tar-raġel. F’din il-ġabra ridt nisfida l-mod kif ġiet miktuba l-mara mir-raġel permezz tan-nisa nfushom – Sandra, Rita, Roża, Gracey, Helen, Margaret, Claudine, Lily, Camilla u Polly; permezz tal-plott u s-sitwazzjonijiet iktar avventurużi, il-lingwaġġ u s-sintassi ġodda. Jiġifieri jien qed nipprova nirrakkonta lill-mara minn lenti ġdida u nittama li b’hekk qed nibdel ukoll xi ftit mir-rakkont tal-letteratura Maltija. Biex ngħaqqad mal-mistoqsija tiegħek dwar il-preżenza spettrali u l-paradossi, għalija, il-fatt li hemm karattri li l-preżenza tagħhom hija spettrali bħal Gracey, u sa ċertu punt, Polly, mhix paradossali għall-kawża femminista. Huma sempliċiment karattri mqiegħda f’sitwazzjonijiet għalkollox ġodda minn dawk li s-soltu naraw in-nisa fihom.

M. ‘pdm’ huma l-inizjali misterjużi li jidhru f’kull rakkont. Fl-aħħar storja, “Polly,” jidher l-isem sħiħ, liema isem ikun żgur fost dawk li ħafna mill-qarrejja jkunu diġà kkunsidraw, speċjalment meta jidhru f’“Margaret” fuq ħajt ta’ skola tal-knisja, u f’“Lily” fuq il-bieb ta’ ħanut magħluq il-Gżira. Iżda l-qarrej jaf isibha diffiċli jemmen li dawk l-inizjali qed iservu biss ta’ referenza kulturali u politika u żgur ser jibqa’ jhewden fuq is-sinifikat tagħhom kemm bħala valur simboliku kif ukoll bħala parti integrali mill-istruttura tar-rakkonti, ħafna wara li jkun qara l-ktieb. Kemm huma importanti għar-rakkont dawn l-inizjali? Xtaqt verament tintriga lill-qarrej bihom jew sempliċiment tinkih b’logħba ta’ kliem?

T. Li l-inizjali ‘pdm’ huma referenza kulturali u politika huwa minnu. U jekk il-qarrejja jridu jarawhom b’dan il-mod, ma nsib ebda oġġezzjoni. Madankollu dawn l-inizjali, jew din il-logħba, kif qed issejħilha int, huma importanti l-iktar mhux għar-rakkont innifsu imma għall-plott tal-ktieb kollu. Bis-saħħa tagħhom irnexxieli noħroġ karattru, Polly, mill-istorja tagħha u ndaħħalha f’kull storja oħra. U dan huwa s-sabiħ ta’ din il-mara li tagħmel il-ktieb kollu tagħha, imma l-istorja bl-isem tagħha mhix tagħha. Polly hija l-mara li għandha l-ispazji kollha għaliha biex tikteb dawn it-tliet inizjali, imma ironikament, l-inizjali mhumhiex tagħha. Sa ċertu punt, din l-idea ġiet ukoll mill-films tad-direttur Pollakk Krzysztof Kieślowski li fit-triloġija tiegħu Three Colours: Blue, White, Red, idaħħal tlett ixjuħ qed jirriċiklaw il-fliexken. Fi Three Colours: Blue, Julie, lanqas biss tinduna bix-xiħa, fi Three Colours: White, Karol, jara lix-xiħ jitħabat, qed jipprova jitfa’ l-flixkun fit-toqba imma ma jmurx jgħinu, fi Three Colours: Red, Valentine tmur tgħin lix-xiħa li ma tkunx tista’ tilħaq il-bokka tal-iskipp. Polly, daqqa tidher tiġbor il-fliexken, daqqa tidher qed tħalli marka, daqqa tinstema’ tgħid xi ħaġa li ħadd ma jifhem, daqqa tidher qed ixxejjer idha. Uħud mill-karattri tal-istejjer l-oħra jarawha u ma jagħtux kasha, uħud minnhom lanqas biss jarawha, xi ftit, jistkerrhuha … Polly, mhi qatt il-protagonista. Lanqas fl-istorja tagħha stess. Hija l-mara li tibqa’ barra. Hija l-mara li trabbiet f’soċjetà patrijarkali bl-uniku idolu għaliha li kien raġel. Saħansitra l-kliem li tgħid, mhux tagħha. Lil Polly s-soċjetà Maltija ħaditilha kollox. U forsi, il-‘pdm’ huwa kompliċi wkoll.

M. Ara din il-silta minn “Lily”:

Mal-promotion ma baqgħetx taħdem fl-istess uffiċju mal-iktar editriċi beżqa li qatt inbeżqet mill-iktar skola bżieq tal-univers kollu, is-Sacred Heart. Editriċi njuranta li taparsi taf titkellem u tikteb bl-Ingliż u mal-bżieq li joħroġ minn ħalqha joħroġ id-dardir kollu tal-you see how lovely you are? u, you never go there marelli? u, maaa how cute hux they look! Dejjem l-istess espressjonijiet li joħorġu bihom it-tfajliet li jkunu marru fl-iskejjel tal-Knisja fl-inħawi ta’ San Ġiljan u ta’ Tas-Sliema…

Din is-silta tista’ faċilment tinqara bħala attakk dirett fuq klassi soċjali Maltija. L-istess klassi li timla b’diżgust il-protagonist ta’ IsSriep Reġgħu Saru Velenużi ta’ Alex Vella Gera. Kemm tħossu dan id-diżgust int personalment?

T. In-nisa f’dan il-ktieb ġejjin minn familji differenti, minn klassijiet soċjali differenti u ma nħossx li qed nattakka klassi iktar minn oħra, jew mara iktar minn oħra. Dan il-kumment qed tgħidu Claudine u mhux Clare Azzopardi u allura din l-antipatija lejn dawn it-tip ta’ nies qed tħossha Claudine. Kumment bħal dan, jista’ fil-fehma tiegħi, jitfa’ dawl ikrah kemm fuq min jgħidu kif ukoll il-persuna li għalih huwa indirizzat.

Għaldaqstant, jien m’iniex responsabbli għal dak kollu li jgħidu u jagħmlu l-karattri fil-ġabra Kulħadd Ħalla Isem Warajh.


Share Article