Kummenti huma off għal din il-kariga

Tliet Mistoqsijiet Lill-Awtur: Taħdita ma’ Immanuel Mifsud

 

 

Inkomplu s-sensiela ta’ intervisti ma’ awturi b’taħdita ma’ Immanuel Mifsud fuq il-ktieb tiegħu Jutta Heim.

Immanuel Mifsud. Mifsud huwa kittieb u poeta. Fl-2002 il-ktieb tiegħu L-Istejjer Strambi ta’ Sara Sue Sammut rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tal-prosa. Tnax-il sena wara, fl-2014, Mifsud għal darb’oħra rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, din id-darba għall-poeżija, bil-ġabra Penelopi Tistenna. Huwa kien l-ewwel kittieb Malti li rebaħ il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura bil-ktieb tiegħu Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben). Fl-2015, Mifsud rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bir-rumanz Jutta Heim– ktieb introspettiv dwar l-għajbien ta’ persuna f’Berlin tal-Lvant fit-tmeninijiet, dwar l-imħabba u dwar ir-riperkussjonijiet li ġarrab anzjani li għex u emmen li kien iħobb. L-aħħar rumanz tiegħu, Fid-dlam tal-Lejl Ħarisna intgħażel bħala finalist għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2017.

 

 

 

 

M. Erik Xerri huwa attur, fatt li l-qarrej ma tantx jista’ jinjora. L-istorja tibda u tispiċċa b’immaġini tal-palk u anke l-avventuri ta’ mħabba barra minn Malta huma mqiegħda fuq sfond ta’ props kważi teatrali – Berlin tal-Lvant fi żmien il-Gwerra l-Bierda b’Alexanderplatz, nies lebsin il-griż iħufu mas-saqajn, blokki ta’ flats, kollha identiċi, il-Ħajt. F’Sqallija, motorini, pizzerji, diskoteki, ir-riħa tas-swieq tal-ħut, il corriere della sera u Vasco Rossi joħolqu x-xena. Ix-xeni tal-inkwiet tat-tmeninijiet iseħħu l-iktar offstage, f’rakkonti, f’skene tat-teatru klassiku. Qalb dan kollu, Erik jgħix il-ħajja ta’ artist stereotipiku – jgħix il-mod kif jixtieq u jagħmel l-affarijiet bil-mod li jixtieq, kif jinnutaw Monique u Mildred. L-affarijiet huma faċli għal Erik ir-re. Ebda impenn għal Erik ir-re, lanqas lejn bintu. Iżda Erik huwa wkoll “floater”, wieħed minn dik il-minoranza famuża li tivvota skond il-kuxjenza, li lesta anke tmur kontra x-xewqat u l-istorja tal-familja, kontra l-memorja ta’ missier mibki li soffra, fost affarijiet oħra, is-saħta tal-interdett. Ironikament, lejn l-aħħar tal-ktieb, fix-xjuħitu, jintagħżel biex jirrapreżenta partit ta’ ‘moderati’ li ser ibiddlu l-pajjiż. X’kien li wasslek tagħżel karattru hekk għal dan ir-rowl? Għalfejn kellu jkun artist? Għalfejn kellu jsib kollox faċli? Kemm jista’ jkollu kredibbilita karattru hekk bħala kelliemi għal viżjoni politika?

T. Meta kont iżgħar kont nismagħhom jgħidu li hemm sezzjoni waħda ta’ nies li l-partiti jibżgħu minnhom – jibżgħu fis-sens li ma jafux fejn qegħdin magħhom – u dawn huma l-artisti. Fi żmien meta l-arti ma tantx kienet tingħata importanza u wisq inqas fondi, dawn l-artisti kienu jgergru li huma ma jingħatawx importanza għax il-vot tagħhom kien misterjuż. Aktar ma kbirt u tħallatt mal-artisti Maltin, aktar bdejt ninduna kemm dan ma kienx minnu għax fil-maġġoranza kbira ħafna tagħhom – innutajt – kellhom alleanzi sodi ħafna ma’ wieħed miż-żewġ partiti l-kbar. Mhux talli kellhom alleanzi, talli kellhom obbligi u kienu lesti jaqdu lill-partit mill-koxxa sew.

Mhux talli hekk, talli ħafna mill-artisti li naf, huma nies opportunisti daqs l-akbar negozjanti, u l-alleanzi tagħhom ma’ xi partit jew ieħor huma immotivati mill-interessi personali tagħhom. Mill-partit li jappoġġjaw (bil-miftuħ jew mhux daqstant bil-miftuħ) jistennew ħafna u meta dawn it-talin isiru magħrufa, il-partit jagħtihom ħafna, anki jekk mhux kollox.

Erik Xerri huwa dan it-tip. Huwa bniedem bla prinċipji, jew aħjar l-uniku prinċipju li jħaddan huwa l-pjaċir u l-gwadann personali. U verament ġieh kollox tajjeb f’ħajtu: karriera, fama, nisa, kumdità, flus. Il-vot tiegħu bidlu skont l-interessi. Forsi għamel sew; forsi għamel aħjar milli kieku baqa’ jivvota skont it-tradizzjoni tal-familja. Imma ma rridx li nirromantiċizzaw lil dan Erik, assolutament. Forsi tajjeb li nistqarr li Erik Xerri għandi antipatija kbira miegħu, aktarx wieħed mill-aktar karattri li ħloqt u li ma għandu xejn x’jiġbidni lejh. Huwa faċċol, giddieb, u dan kollu huwa frott tal-egoċentriżmu kbir tiegħu, anzi narċissiżmu kbir li dejjem sab x’jawmentah. Ħlief Jutta: li, ejja ngħidu x’aktarx, qatt ma kitbitlu lura.

Fi kliem ieħor, le, mhuwiex kredibbli fis-sens li m’għandu ebda viżjoni politika ħlief li dejjem jippromwovi lilu nnifsu.

M. Ħafna qarrejja bla dubbju ser isaqsu għalfejn Jutta? Għala mhux Valentina jew Nella? Forsi, għax qatt ma wieġbet lura? Jew għax hemm ċertu faxxinu tal-eżotiku assoċjat ma’ Jutta? Ir-repubblika tal-Ġermanja tal-Lvant, b’nofs belt kapitali, moħbija wara l-Ħajt li (kif tikkonferma Jutta b’eżempju ta’ persuna li kienet taf personalment) ma jistax jinqasam mingħajr riskju serju ta’ mewt, fejn iċ-ċittadini draw jgħixu taħt mantell ta’ terrur sistematiku, din kienet dinja eżotika anke għal xi ħadd minn Malta. Wara kollox, sa fejn nafu u sa fejn nistgħu nemmnu lil Erik, hu mar hemm bħala turist, bħalavoyeur, fl-aħħar mill-aħħar. Għalfejn Jutta?

T. Għalfejn Jutta? Is-sensibilità femminista fis-snin sittin u sebgħin uriet b’mod ċar li fil-politika tar-relazzjoni bejn mara u raġel, bħal kull relazzjoni oħra, hemm żewġ naħat li qegħdin jissaraw għall-poter. Għalhekk nitkellmu fuq il-politika tar-relazzjonijiet wara kollox. Diversi osservaturi femministi saħqu li r-raġel għandu din il-ħabta li jrid jiddomina lill-mara u li bażikament jibdilha fi proprjetà. Id-dominazzjoni tgħaddi minn fażijiet differenti: l-ewwel, isir ħafna diskors fuq “il-misteru femminili”, li mhu misteru xejn iżda huwa biss kostruzzjoni maskili(sta) ta’ x’inhi mara. Ħafna drabi l-mara ssir art mhux magħrufa li trid tiġi skoperta u kolonizzata. Issa wieħed jista’ ma jaqbilx ma’ din l-interpretazzjoni imma jien naraha tagħmel ħafna sens. Ħu pereżempju l-mod kif ħafna poeti (qed nalludi għal dawk Maltin) ħarsu lejn il-mara: bħala sors ta’ misteru li jrid jiġi riżolt. Meta xi ħaġa titqies bħala misteru, awtomatikament se jkun hemm tentattiv biex jitneħħa l-misteru u ġaladarba jitneħħa l-misteru, dak li qabel kien misteru jsir normali, jitlef mill-faxxinu tiegħu, ma jibqax aktar interessanti.

Erik Xerri għandu din il-manija. Għala mhux Nella? Għax Nella spiċċa f’sodditha l-għada li ltaqa’ magħha. Nella mhi ħadd speċjali f’dak is-sens. Għax mhux Valentina? Għax mietet f’inċident tat-traffiku. Imma Jutta storja totalment differenti. Kif għidt int, Jutta midfuna wara ħajt li sal-1989 kien samm u tal-biża’ u li ħadd ma kien jobsor li xi darba għad jaqa’. Mela diġà għandha l-faxxinu tal-misteru u tal-inaċċessibilità. Il-kaċċa se tkun akar diffiċli f’dan is-sens, u allura aktar interessanti. Imbagħad trid tqis li anki l-attitudni tagħha kienet waħda insolita. Din ħaditu magħha għal lejl u l-għada abbandunatu sfaċċatament; forsi minħabba l-biża’ mill-iStasi, forsi għax ma kinitx interessata aktar, forsi għax intebħet x’tip ta’ bniedem kien, forsi għax irrealizzat li din kienet se tkun storja impossibbli. Il-fatt li qatt ma kitbet lura, jew ħalli ngħidu hekk, qatt ma rċieva mingħandha, kompla jostorha fil-misteru, kompla jagħmilha interessanti. Imma wieħed irid jifhem li mhu veru xejn li Jutta kienet mara importanti għal Erik. Tant ma kinitx li l-wegħda li kien għamlilha li jirritorna lejn Berlin tal-Lvant f’Ottubru ma żammhiex u kien hemm perjodi twal li fihom ma baqax jiktbilha lanqas. Barra l-fatt li wara Jutta kellu avventuri oħrajn, fosthom ma’ nisa barranin. Din mhijiex storja romantika ta’ maħbub li jirritorna, jew jipprova jirritorna, lejn maħbuba antika. Xejn minn dan. Erik jiddeċiedi li jmur lura Berlin meta skopra li ħajtu riesqa lejn it-tmiem. Ried jittanta jikkolonizza lil Jutta għall-aħħar darba u barra minn hekk, ried jerġa’ jduq il-passat glorjuż tiegħu, passat ta’ karriera li issa kienet intemmet. Għax ħa ngħiduha kif inhi: bniedem li kellu l-istil ta’ ħajja bħalma kellu Erik x’kien hemm li jżommu milli jirritorna lejn Berlin qabel? Għala stenna daqshekk?

L-istagħġib tiegħi mhuwiex kif Erik baqa’ jaħseb fuq Jutta, imma kif żamm kuntatt (anki jekk sesswali biss) ma’ Liża wara dawk is-snin kollha li kien ilu jafha. Ngħiduha kif inhi, mhux għax kellu tant bżonnha, fis-sens li nisa oħra kellu u kien jaf li seta’ jkollu kemm ried. Xi ħaġa, iżda, żammitu jiffrekwentaha.

M. Ara din is-silta:

Mur ara. Inbidlu l-uċuħ u l-ismijiet. U mbagħad? Jien u nikteb il-vot fuq in-naħa l-ħażina stħajjilt lill-pa jiċċassa lejja fil-kabina. Stħajjiltu daħal miegħi ħalli jara kontx qed nobdi. U kif xħitt il-vot, ħadt nifs qawwi u ħriġt ‘il barra minn dik il-klassi niġri. Ridt ngħidlu: pa, int għandek raġun imma jien għajejt b’dawk l-istejjer koroh li kont qed nara kuljum. Kont diġa ddejjaqt bil-bini jaqbad u bid-djar imkissra. Kelli mara telqet ‘l hemm għax ma felħitx tara aktar kuntrarji. U mbagħad l-affarijiet tgħarrqu aktar, pa. Int mhux għalhekk ġibdt is-saħta u l-kundanna fuqek, mhux hekk? Żgur li mhux għalhekk għax kont nafek sewwa. Int ma kontx tieħu gost tara l-każini jaqbdu, u l-puluzija armati għall-irvellijiet jisparaw il-gass tad-dmugħ. Kont tiddejjaq kieku wkoll. Kont tħossok barra minn lokok, skomdu bħalma ħassejtni jien.

Din is-silta hija qawwija mmens u żgur iġiegħel ħafna qarrejja jaħsbu f’familthom. Li mhux żgur huwa kemm hemm minnhom li jistgħu jaqsmu l-kunfidenza ta’ Erik li missierhom ser jifhem. Li missierhom se jikkundana l-vjolenza. Li mhux ser jgħid li kull naħa għandha l-ħazen tagħha u ma jippruvax jiskuża dak li ġara. Xi tħoss dwar din il-ħaġa int personalment. Taqsam l-‘ottimiżmu’ ta’ Erik? 

T. Jista’ jkun li Erik qiegħed biss jinterpreta lil missieru. Ovvjament la missieru miet, l-aktar li jista’ jagħmel Erik hu li jistħajjel x’seta’ għamel missieru. Imma persważ li eżistew nies li kienu jitmeżmżu bil-vjolenza politika, anki jekk mhux fil-miftuħ. Ħafna tkażaw imma tkażaw fis-silenzju, bħall-maġġoranza tal-kittieba wara kollox. Erik l-istess, il-protesta tiegħu għamilha biss bil-vot, anki għaliex hu mhuwiex annimal politiku. X’aktarx li kien annimal biss.