Kummenti huma off għal din il-kariga

Tnedija tal-Fond Malti tal-Ktieb – 12/05/2015

Għadu kemm ġie mniehed uffiċċjalment il-fond Malti tal-Ktieb f’konferenza stampa mill-Onor. Evarist Bartolo, Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol; is-Segretarju Permanenti, s-Sur Joseph Caruana u s-Sur Mark Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fil-Board Room tal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Il-Fond Malti tal-Ktieb hija inizjattiva mnedija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex irawwem tkabbir kulturali fis-suq lokali tal-kotba.

Wara proċess ta’ konsultazzjoni ma’ awturi u pubblikaturi, u wara li studja bir-reqqa s-suq lokali tal-kotba, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb innota kwistjoni partikolari li jixirqilha attenzjoni konsiderevoli. Intbaħna li hemm bosta awturi u pubblikaturi li għandhom ippjanati pubblikazzjonijiet tal-Melitensia tassew interessanti u ta’ valur kulturali, edukattiv u intellettwali. Madankollu dawn il-proġetti jistgħu ma jkunux profittabbli faċilment minħabba n-natura speċjalizzata tagħhom, jew inkella huma pjuttost diffiċli biex jiġu ppubblikati u mqassmin, u dan minħabba nuqqasijiet fl-infrastruttura tas-suq stess.

 Barra minn hekk, il-Kunsill, fil-ħidma tiegħu biex jikkontribwixxi fl-iżvilupp tal-ktieb Malti, jixtieq jagħti wkoll appoġġ lill-awturi u l-pubblikaturi billi jiffinanzja proġetti li jkomplu jtejbu ħiliethom. Dan billi huma jkunu pprovduti b’għotjiet ta’ flus sabiex ikunu jistgħu jattendu workshops, korsijiet u inizjattivi kulturali.

 Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kunsill qed joħroġ minimu ta’ tmien għotjiet li b’kollox jammontaw għal €40,000 u li minnhom €32,000 huma għall-pubblikazzjoni u €8000 biex jitqassmu bejn fondi edukattivi u fondi għal reklamar barra minn Malta. L-għotjiet għandhom jitqassmu wara proċess rigoruż ta’ applikazzjonijiet li jieħu ħsiebu bord ta’ aġġudikazzjoni appuntat apposta.

 Din l-inizjattiva hija parti mill-viżjoni tal-Kunsill li jkollu rwol ta’ aġent kulturali fis-soċjetà. Dan ifisser li l-Kunsill isir kontributur proattiv u progressiv fl-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali tas-soċjetà tagħna. Filwaqt li ammonti żgħar ta’ flus jistgħu jagħmlu differenza kbira fi proġetti ta’ pubblikazzjoni fis-suq żgħir, iżda b’saħħtu, tal-kotba tagħna, il-Kunsill jagħmel l-għalmu tiegħu biex jiżgura li l-flus jiġu allokati lil dawk l-applikanti li se jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi.

L-applikazzjonijiet għas-sena 2015 jagħlqu f’12:00 nhar it-30 ta’ Ġunju.

 

Niżżel kopja tal-Formola tal-Applikazzjoni

Niżżel kopja tal-kriterji tal-Fond Malti tal-Ktieb bil-Malti

Niżżel kopja tal-Appendiċi A tal-Fond Malti tal-Ktieb

 

IMG_1451 IMG_1448 IMG_1443IMG_1446.