Xi Qrajt Dan l-aħħar? huwa programm tat-TV ta’ 5 minuti fejn in-nies involuti fl-industrija tal-kotba lokali jitkellmu mal-preżentatriċi tal-programm, Antonella Axisa, dwar l-aħħar ktieb li qraw. Din hija l-ewwel inizjattiva televiżiva tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u ntlaqgħet b’suċċess konsiderevoli mill-pubbliku, mill-ewwel episodju li ħareġ fl-1 ta’ Novembru 2015, bil-kittieb Walid Nahban. Minn dakinhar, dehru fuq il-programm bosta kittieba, poeti, akkademiċi u pubblikaturi lokali u anke kittieba barranija, Caroline Smailes, li kienet il-mistiedena speċjali tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2017 (4-6 ta ‘April).

L-episodji kollha ġew miġbuda fis-sala tal-qari tal-Librerija Nazzjonali fil-Belt. Il-programm, li ħareġ l-aħħar episodju tiegħu nhar it-Tlieta 8 ta ‘Awwissu 2017, b’Dr Bernard Micallef, kien imxandar kull nhar ta’ Tnejn f’ħin ewlieni, eżatt qabel l-aħbarijiet tat-8 fuq it-TV nazzjonali. Tistgħu jaraw l-episodji kollha fuq il-paġna FB tagħna jew fuq il-kanal tagħna fuq Youtube.