Kummenti huma off għal din il-kariga

Żjarat tal-Istudenti fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2016

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar lill-Iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2016 ser isir f’Novembru li ġej mill-Erbgħa, 9 sal-Ħadd 13 fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC), il-Belt Valletta.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-aktar avveniment prestiġġjuż u importanti li għandu x’jaqsam mal-kotba fil-kalendarju edukattiv u kulturali Malti.  Matul dan l-avveniment, il-pubblikaturi u l-ħwienet tal-kotba jiltaqgħu kollha taħt saqaf wieħed biex jesebixxu l-aktar pubblikazzjonijiet riċenti tagħhom.

L-Erbgħa, l-Ħamis u l-Ġimgħa filgħodu tal-Festival ikunu ddedikati għall-istudenti minn madwar Malta u Għawdex bi programm edukattiv maħsub għalihom u din id-darba l-KNK qed iħeġġeġ lill-għalliema jikkordinaw mal-istudenti tagħhom biex min jattendi l-Festival jiġi liebes kostum u/jew aċċessorji ispirati minn xi temi, stejjer jew karattri letterarji. Dawn il-kostumi u/jew aċċessorji jistgħu jiġu kreati minn karti riċiklati f’attivitajiet kreattivi fil-klassi stess u/jew mal-għalliema tal-arti bit-tir li l-istudenti jidħlu aktar fl-atmosfera maġika tal-Festival. Dawn l-aċċessorji (ingravata, kappell, flokk, etc) jew kostum sħiħ jista’ jsir ukoll id-dar jekk ma jkunx possibbli jsir l-iskola.  L-istudenti jistgħu ukoll jilbsu kostum basta jkun ta’ karattru li ħareġ minn xi ktieb.

Il-bookings għandhom jintbagħtu lil Maria Muscat fuq [email protected] mill-1 sal-20 t’Ottubru 2016. L-attendenza għall-attivita’ fis-sala tiġi bbukkjata skont min japplika l-ewwel.

Importanti li kull booking jispeċifika dan li ġej:
*l-isem tal-Kulleġġ, l-isem tal-iskola

*il-ġurnata (L-Erbgħa, il-Ħamis jew il-Ġimgħa)

*il-Year Group (Yr 1 – Yr 11) jew ekwivalenti

*l-ammont ta’ studenti li ser jattendu

*isem, e-mail u numru tal-mobile tal-għalliem/a inkarigat/a miż-żjara (din il-persuna ser tkun il-kuntatt ewlieni u miegħu/magħha ser nikkomunikaw il-programm għall-ġurnata – l-istess persuna ser tkun inkarigata li tinforma lit-tim tal-Festival/fotografi uffiċjali fuq id-data protection status tal-istudenti li hu/i responsabbli għalihom).

*xi rimarki li tħossu li huma importanti

 

Importanti li t-transport għall-iskejjel jiġi organizzat b’tali mod li l-istudenti jaslu fuq il-post fid-9:00/9.15am u jitilqu mhux aktar kmieni min-12:30pm sakemm ma jiġix diskuss arranġament ieħor minn qabel.

Tajjeb li nfakkru li din is-sena ser jerġa’ jitqassam voucher li jiswa €3 lil kull student/a li j/tattendi l-Festival fil-ħinijiet ta’ filgħodu mal-iskola rispettiva. Dawn il-vouchers jissarfu f’kotba waqt iż-żjara mal-iskola biss.

Narawkom ilkoll hemm u tinsewx ixxerdu l-kelma!

MBF-2016-Poster-for-Facebook-MT Bookfair2013_43 AK8J4517 AK8J4506