Fil-programm tas-16-il edizzjoni tas-Salon du livre et des cultures du Luxembourg u t-33 edizzjoni tal-Festival des migrations, des cultures et de la citoyenneté, li saru f’LuxExpo, Kirchberg nhar it-12 u t-13 ta’ Marzu, il-ktieb Malti ingħata post speċjali. B’inizjattiva tal-kittieb u organizzatur kulturali Antoine Cassar, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kellu stand kbir fid-daħla tas-sala l-kbira tal-fiera, bil-ħsieb li jkompli jesporta l-kotba Maltin tradotti – partikularment il-letteratura, iżda mhux biss.

B’appoġġ mill-Cultural Export Fund tal-Kunsill Malti għall-Arti, u wara stedina mir-rivista Transkrit tal-Kulturfabrik ta’ Esch-sur-Alzette, waqt il-fiera u l-festival ilqajna fostna lil żewġ awturi Maltin: Immanuel Mifsud, rebbieħ tal-Premju tal-Letteratura tal-UE fis-sena 2011 bil-ktieb ‘Fl-isem tal-missier (u tal-iben)’ (KKM), u Nadia Mifsud, awtriċi tal-ġabra ta’ poeżija ‘Kantuniera ‘l bogħod’ (Ed. Skarta) u traduttriċi letterarja mill-Malti għall-Franċiż, fost l-oħrajn tal-kotba ta’ Immanuel Mifsud. It-traduzzjoni tagħha tal-ktieb ‘Fl-isem tal-missier (u tal-iben)’ se tiġi ppubblikata minn Gallimard, filwaqt li l-verżjoni Franċiża tagħha ta’ 20 poeżija ta’ Immanuel Mifsud fl-aħħar ħarġa ta’ Transkrit, li tnediet proprju waqt dan il-festival.
Bħala parti mill-programm tal-festival, Immanuel Mifsud u Nadia Mifsud ħadu sehem fi tliet attivitajiet biex ikomplu jibnu l-pontijiet letterarji bejn Malta u l-Lussemburgu, u bejn l-ilsien Malti u l-lingwa Franċiża:

Is-Sibt 12 ta’ Marzu, 18:30: ‘Landlocked, Sealocked – Poésie de Malte, Luxembourg et au-delà’ (Attività organizzata mil-Luxembourg Poetry Group, imwaqqaf minn Karina Fiorini)

Il-Ħadd 13 ta’ Marzu, 14:00: ‘Table ronde: La traduction littéraire entre Malte et le Luxembourg’ – Bis-sehem ta’ Immanuel Mifsud, Nadia Mifsud, Vera Pejović u Jean Portante. Moderazzjoni ta’ Florent Toniello, ġurnalist kulturali tal-Woxx u rebbieħ tal-Konkors Nazzjonali tal-Letteratura tal-Lussemburgu fl-2015

Il-Ħadd 13 ta’ Marzu, 17:00: ‘Présentation de la revue Transkrit #8’ – Titnieda l-ħarġa l-ġdida tar-rivista Transkrit, b’għoxrin poeżija ta’ Immanuel Mifsud maqluba bil-Franċiż minn Nadia Mifsud. Preżentazzjoni tal-poeta Lussemburgiż Jean Portante, editur u kuratur ta’ Transkrit (Inizjattiva tal-Kulturfabrik, bl-appoġġ tal-Cultural Export Fund tal-Kunsill Malti għall-Arti.)

Wara l-Festival, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta donazzjoni sostanzjali ta’ kotba Maltin lill-Librerija Nazzjonali tal-Lussemburgu.

 

IMG_0777 IMG_0748 IMG_0749 IMG_0750 IMG_0776 IMG_0751 IMG_0754 IMG_0745 12841398_10153934014437456_6290075695429082946_o 12828473_10153934014267456_3155887650878597402_o 12828307_10153934014282456_3977546196516751627_o 12821373_10153933702592456_1980043157947173572_n 12814480_10153933702567456_161292337263387267_n 10606307_10153933702932456_7742073818131127891_n 10338477_10153934014447456_8922084411344316771_o 12809777_10153934014277456_6670604829337467514_n 12801639_10153929682147456_8182572109988029067_n 12722770_10156716010125457_2022248101_o 10173802_10153990699468627_3767909495467740970_n 12524336_10208051431537791_3031912248632970928_n 1934972_10153933702952456_116229343819663615_n 1913727_10153933702587456_8722983489324478442_n 1931526_10153934014427456_7387388702584966980_n 971488_10208051431817798_1530107009788471098_n


Share Article