Comments are off for this post

Taħt il-Qoxra: Matthew Schembri

F’dan l-episodju ta’ ‘Taħt il-Qoxra’, Rachelle Deguara titkellem ma’ Matthew Schembri dwar ir-rumanz tiegħu ‘Stessi’, li rebaħ il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ fl-2016, fost suġġetti oħra.

Schembri jgħid li l-ktieb huwa ‘festa sħiħa ta’ influwenzi’ minn kotba ta’ awturi li qara meta kien iżgħar. Isemmi lil Trevor Zahra, Clare Azzopardi, Loranne Vella u Simon Bartolo mil-letteratura Maltija, JK Rowling u JRR Tolkien minn dik internazzjonali.

‘Stessi’ jibda b’kompetizzjoni tal-arti fi skola għal stessu. Student jidħol għal dil-kompetizzjoni meta jsib il-kamera ta’ zijuh. Imur tajjeb ħafna fil-kompetizzjoni, iżda l-konsegwenzi jridu jinġarru…Il-kamera tieħu rwol ta’ oġġett animat u maġiku.

Schembri rebaħ ukoll il-Premju tal-Artist Żagħżugħ tas-Sena mill-Kunsill Malti għall-Arti. Rachelle tkellmet miegħu dwar l-arti viżiva tiegħu. Jgħid li jixtieq jipprova jagħmel arti li mhix meqjusa bħala arti.

Segwi aktar minn din l-intervista hawnhekk.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lill-PBS u lill-ħaddiema ta’ Radju Malta 1 għall-għajnuna bix-xandir tal-programm.