Comments are off for this post

Taħt il-Qoxra: Prof. Carmel Borg

F’dan l-episodju ta’ ‘Taħt il-Qoxra’, Rachelle Deguara tkellmet mal-Prof. Carmel Borg dwar il-ġustizzja soċjali fil-qasam edukattiv u l-edukazzjoni bħala esperjenza liberatorja.

Borg enfasizza li l-edukazzjoni u l-ġustizzja soċjali huma għażla. Qal li rrealizza kmieni fil-karriera tiegħu li l-edukatur mhuwiex biss speċjalista tas-suġġett, iżda huwa primarjament aġent ta’ atti morali, filosofiċi, etiċi,  ideoloġiċi u ta’ prinċipji u valuri.

Il-mistieden irrimarka b’konvinzjoni li l-edukazzjoni mhijiex newtrali, anzi hija politiċizzata għax hija dwar għażliet tan-naturi varji li ssemmew aktar ’il fuq.

Tul l-intervista Prof. Borg jitkellem dwar suġġetti oħra bħall-meritokrazija u l-edukazzjoni, l-aċċess għall-edukazzjoni lil kulħadd u edukazzjoni ta’ kwalità lil kulħadd bħala ż-żewġ passi sussegwenti fil-qalba tal-ġustizzja soċjali, l-iżvantaġġi li wieħed jitwieled bihom u kif dawn jistgħu jintgħelbu fl-iskola, id-drittijiet umani u bosta suġġetti oħra li kollha huma msejsa fuq il-kunċett li l-edukatur u l-edukazzjoni jgħinu l-aktar lil min għandu bżonn.

Prof. Carmel Borg kiseb id-Dottorat tiegħu dwar l-Istudji Kurrikulari mill-Università ta’ Toronto. Awtur ta’ numru kbir ta’ kapitli f’kotba u studji f’rivisti internazzjonali. Il-kitbiet tiegħu jiffukaw fuq is-soċjoloġija tal-edukazzjoni, it-teoriji tal-kurrikulu, il-pedagoġija kritika, l-edukazzjoni adulta u l-involviment tal-ġenituri fl-edukazzjoni.

Segwi aktar minn din l-intervista hawnhekk.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lill-PBS u lill-ħaddiema ta’ Radju Malta 1 għall-għajnuna bix-xandir tal-programm.