Comments are off for this post

Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Alfred Sant

 

Inkomplu s-sensiela ta’ intervisti b’taħdita ma’ Alfred Sant dwar il-ktieb tiegħu Western – Bejn Rakkonti, Bejn Divertimenti.

 

Tul il-karriera tiegħu, Alfred Sant (imwieled fl-1948) kien involut fil-politika, fil-ġurnaliżmu, il-letteratura u t-teatru. Huwa kiteb wkoll artikli għal għadd ta’ ġurnali u perjodiċi. Ir-rumanz tiegħu L-Għalqa tal-Iskarjota, ippubblikat fl-2009, jgħaqqad elementi ta’ umoriżmu, ironija u satira fit-tfassil ta’ storja li timxi b’pass ta’ film tal-orrur lejn konklużjoni qerrieda. Ġie maqlub għall-Ingliż bħala The Iscariot Field. Fl-2014, Sant rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bil-ġabra ta’ novelli Ċpar – Aktar Rakkonti u Divertimenti. Xogħlijiet oħra importanti ta’ Sant jinkludu La Bidu, La Tmien – 1599, Silġ fuq Kemmuna u, aktar riċenti, Western – Bejn Rakkonti, Bejn Divertimenti.

 

 

 

M. Bejn rakkonti, bejn divertimenti. Ma hemmx dubju li l-element ta’ divertiment huwa qawwi ħafna iżda jinħass li hemm iktar divertiment fl-ewwel parti tal-ġabra, iġifieri fl-ewwel seba’ milli fl-aħħar tlieta fejn l-atmosfera bħal titqal u jidħlu silenzji tal-biża’. Tifkira, eżempju, taf anke tfakkar lil xi qarrejja fin-novelli ta’ Somerset Maugham, b’mod partikolari kif idur mat-tensjonijiet u d-distanzi li jinbtu u jinġabru tul relazzjoni twila sabiex isibu żbokk devastanti fil-qafas tar-rakkont. L-istess jista’ jingħad għal Ward u Dramm. Hemm raġuni għaliha din? Għalfejn kellha tagħlaq b’Trio għal Duo il-ġabra?

 

T. Tema li tinsab fil-biċċa l-kbira tar-rakkonti hi dik tal-memorja:kif niftakru l-imgħoddi, kif nifhmuh, kif nagħġnuh mal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Western per eżempju joħroġ mill-memorja ta’ anzjan: rakkont li meta kien għadu tifel, sema’ mingħand zijuh anzjan, li hu nnifsu kien semgħu meta kien żagħżugħ mingħand il-protagonist tar-rakkont, il-Malti – xiħ li jirrakkonta x’għadda minnu snin twal qabel. Kemm mill-istorja iżda hi magħmula minn fatti li ġraw tassew, kemm minnha ssawret b’xi effett żlugat fil-memorja tal-persuna li qed tirrakkonta?

F’Memorabilja l-istess: Stanley jipprova jsib tifkiriet konkreti tal-istorja tal-każin tal-Kristofri taħt l-ewwel fundatur tiegħu. Imma ma jsibhomx: intesew tabilħaqq? jew kien hemm min ħadem biex ineħħihom u jnessihom? Minn storja għal storja jitqanqlu temi simili marbuta mal-memorja fil-ħajja personali u soċjali tagħna.

Trio għal Duo jikkonċentra dawn it-temi billi fuq tliet rakkonti qosra ħafna imqabbla mal-istejjer l-oħra tal-ktieb, jinfilzahom f’episodju mill-ħajja ta’ mara u raġel, koppja. Il-memorji jsiru logħba tad-dellijiet; dak li tinsa jew tħawwad fit-tifkira jinbidel f’arma biex tferi jew tissomma lill-ieħor jew l-oħra. U hemm dak li tassew insejt, forsi għax dieħla d-dementia. Imma anke dak li nsejt iservi biex jagħti sura lir-realtà tal-lum.

Biex tikkonċentra l-effetti suvversivi tal-memorji u l-użu tagħhom it-teknika magħżula għat-tliet stejjer tixbah għal tal-apposta dik li tista’ tintuża għal xenarji qosra fi drammi televiżivi.

 

M. Il-ġabra tieħu lil qarrej f’titjira qalb xenarji mbegħdin – mid-dinja tal-baned ta’ Memorabilja għal futur fejn l-umanità tinnaviga l-ispazji kbar tal-Kosmos (It-Tieni Dinja) jew f’fantażija li tħallat elementi ta’ DC Comics ma’ elementi ta’ kronika attwali (Rigor Mortis). Din it-titjira li taqsam spazji u ħin, issib l-essenza tagħha, forsi, fin-novella Western, fejn Malti minn Ħal Qormi jispiċċa fil-Wild West. F’storja ta’ avventura, imħabba u vendetta, kif inhu xieraq għall-storja hekk. Il-Malti translokat, imqiegħed f’dinja oħra, f’dinja li mhux probabbli li jidher fiha imma li jasal għaliha b’traġġit realistiku u kredibbli għall-aħħar. Min hu fil-verita ‘il-Malti’ ta’ Western?

 

T. L-ewwel nett ma naħsibx li hu daqstant improbabbli li kien hemm Maltin fil-Wild West, mhux xi grupp kbir imma xi tużżana jew aktar. Nafu li fl-istess żmien kien hemm Maltin fl-Amerika ta’ Isfel, u wieħed minnhom spiċċa ammiral tal-flotta Arġentina. Imbagħad teżisti letteratura Ewropea li mhijiex daqstant magħrufa, tal-emigrazzjoni, b’rumanzi Skandinavi, Taljani u Irlandiżi fost oħrajn, li jiddeskrivu l-esperjenzi tal-emigranti Ewropej fl-Istati Uniti f’nofs is-seklu dsatax; kif wara kollox għamel Charles Dickens f’parti minn Martin Chuzzelwit. Għaliex allura mhux anke rakkont dwar emigrant Malti?

Ir-rakkont kellu jirrifletti r-realtà Maltija ta’ imgħoddi fejn il-poplu ħaddiem kien illitterat, fiżikament mhux daqstant impressjonanti għax imrobbi b’ikel fqir, u mġiegħel jitlaq mill-gżira biex jaqla’ x’jiekol. Imur fejn imur, se jkun l-underdog. Kif se jibqa’ fil-wiċċ? Kif se jsib jaħdem?

Immaġinajtu li (bħall-Maltin “tal-poplu” emigrati f’Lixandra fl-istess żmien) se jkollu jieħu l-agħar xogħol, dak li ħadd ma jrid jidħol għalih, imma li b’hekk xorta waħda jasal biex isib ħidma stabbli li fiha jista’ jinqeda bis-sengħa li tgħallem bħala tifel – il-kura tal-mogħoż. Minn hekk kellha toħroġ imbagħad kif semmejt int, l-istorja ta’ “avventura, imħabba u vendetta”.

 

M. Ara din is-silta:

‘Minkejja l-oġġezzjonijiet ta’ Evelyn għax mhux se tilbes le, l-ilbies mixtri għal oħt Fanny, din aktar insistiet. Fl-aħħar kienu mitluqa fuq is-sodda tal-wieħed li kien hemm fil-kamra jitgħannqu ma’ xulxin, jitbewsu bla nifs, jissaraw flimkien b’nofs daħq, nofs tbissim li setgħu jaraw fin-nofs dlam fietel li baqa’ fil-kamra, jifgaw l-ilfiq u t-tnehid biex ma jinstemax barra l-kamra, waqt li jneżżgħu lil xulxin.’

Soru Maltija f’Londra (mid-dar li fiha jmorru l-Maltin qraba ta’ pazjenti li qed jirċievu kura f’Londra) li fil-bidu tal-istorja nsibuha qegħda taqra siltiet minn Santa Tereża ta’ Liseux imbagħad niskopru il-għala…fid-dawl tal-ġabra bħala rakkonti ta’ divertiment, għalfejn din il-cliché ta’ ‘cloister love’? Ridt tinki? Kont qed tfittex l-effett ta’ xokk?

 

T. Assolutament ma fhimtx jien u qed nikteb dan ir-rakkont li kellu jkun hemm xi ħaġa xokkanti fih. Ir-rakkont hu wieħed f’sensiela fejn mara Maltija titpoġġa bħala protagonist f’belt differenti. Wara New York u Brussell, kien imiss Londra u hawn daħħalt żewġ nisa li jikkuntrastaw ma’ xulxin: l-għeja tas-soru wara ħajja twila tindokra l-morda; u n-neputija tagħha mehdija tfittex sodisfazzjon fil-ħajja, inkwetata ħafna minħabba s-saħħa ta’ binha. In-neputija tqanqal fis-soru memorji midfuna. Tirbaħ l-għeja.

Is-silta li tiddefinixxi r-rakkont, fil-fehma tiegħu mhux il-“klixe” li “jixxokkja” li semmejt int, imma l-mument tal-ħolma, meta Fanny li ilha mejta “tidher” lis-soru u l-ħoss tad-dawl jinqata’ hesrem donnu qed jagħti s-sinjal li r-rebħa tal-għeja daqt tasal.