Comments are off for this post

Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Leanne Ellul

 

Inkomplu s-sensiela ta’ intervisti ma’ awturi b’taħdita ma’ Leanne Ellul dwar il-ktieb tagħha Gramma.

 

 

Leanne Ellul hija l-kittieba tar-rumanz Gramma, wieħed mir-rebbieħa tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura  għaż-Żgħażagħ fl-2014. L-aħħar pubblikazzjoni ta’ Ellul – traduzzjoni għall-Malti ta’ Gosto de Ti tal-kittieba Portugiża Fernanda Serrano, Inħobbok!, ġiet magħżula bħala finalista għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (Terramaxka) fil-kategorija tat-Traduzzjoni: kotba għat-tfal (8-12). Bħala membru ta‘ Inizjamed, Ellul hija attiva ħafna fix-xena letterarja lokali u fl-2016 ingħatat il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Aħjar Kittieb Emerġenti.

 

 

 

 

 

 

 

M. L-għażla tat-tema prinċipali – l-anoressija, jew b’mod iktar ġenerali, l-abbuż tal-ġisem taħt l-effett ta’ xbiha fil-moħħ, għandha resonanzi qawwija li jinstemgħu lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet li b’mod forsi riduttiv għandna ħabta nsejħulhom ‘il-problemi attwali taż-żgħażagħ’. Ir-rumanz jinħass li ma jridx jikommetti ruħu fuq il-kwistjoni ta’ kawża, pereżempju – hemm ħjiel li għandha x’taqsam man-nuqqas ta’ preżenza tal-ġenituri u l-guffaġni tagħhom, hemm ħjiel li għandha x’taqsam mal-influwenza tal-midja. It-tmiem tar-rumanz jissuġġerixxi li l-‘kura’ hija forma ta’ maturità li ma tiġix faċli għall-bniedem inġenerali, mhux biss għaż-żgħażagħ. Xi tfisser għalik l-anoressija ta’ Analiża? X’qed tistenna li jaraw jew jaqraw fiha l-qarrejja?

 

T. F’dan is-sens l-anoressija mhix anoressija. Daqskemm ir-rumanz hu u mhuwiex dwar l-anoressija. L-implikazzjonijiet tal-anoressija huma diversi u jmorru lil hinn mill-qagħda nnifisha. Hemm in-nuqqas, it-telqa, it-telfa, it-tiftixa, il-ħarba, l-iterazzjoni. Kollha parti mill-anoressija. F’dan is-sens ukoll, l-anoressija tista’ titqies bħala skuża biex jiġu indagati u jinkixfu kundizzjonijiet oħra tal-bniedem. X’fadal x’titlef meta kważi tkun tlift kollox? Sa liema estremitajiet kapaċi jwassal lilu nnifsu l-bniedem? Sa liema punt tittollerah ta’ li hu s-soċjetà?

L-anoressija tista’ tkun kollox, tista’ tkun it-tarf ta’ multitudni ta’ sitwazzjonijiet, u tista’ ma tkun xejn, tiġi mix-“xejn”. Għalhekk kultant nippreferi li nħares lejha bħala kuntradizzjoni. Ġejja minn kuntradizzjonijiet, iġġiegħlek tagħmel kuntradizzjonijiet, issir kuntradizzjoni int stess.

Bi “problemi attwali taż-żgħażagħ” għandi problema kbira fil-fatt. X’inhu attwali? L-anoressija kienet minn dejjem. Ħafna kundizzjonijiet personali u soċjali, nazzjonali u internazzjonali ilhom is-snin. Nipperċeprixxuhom bil-mod li nipperċepixxuhom bih għax qed ngħixu issa, naraw minn “issa” skont il-qagħda tagħna f’dak il-ħin u żmien. Il-problemi jibqgħu problemi u ż-żgħażagħ mhux xi vavi billi għad għandhom tlettax, erbatax, ħmistax. Idejjaqni ħafna d-diskors “huma ż-żgħażagħ” u “aħna l-kbar” (forsi parti mir-reżistenza tiegħi stess biex nikber). Imma ejja ngħidu li l-qagħdiet (mhux essenzjalment problemi) hemm u kulħadd, bil-mod tiegħu, jesperjenzahom b’mod differenti.

Mill-qarrejja ma nistenna xejn ħlief li (biex nuża klixè) bil-bagalja li jġibu magħhom isibu ftit Analiża fihom stess. Tendenza tagħna li aħna u naqraw nassoċjaw ruħna ma’ karattru, nassimilaw magħha jew insibu ftit minna fiha. Analiża hija l-kumplessitajiet u l-lati li diversi minnha għandhom diġà. Forsi mmanifestati b’modi differenti, forsi supressati, forsi injorati. Għal min jaħseb u janalizza ftit, jista’ mqar għal waqt, jaħseb b’Analiża u l-modi tagħha.

M. L-ismijiet għandhom importanza tematika enormi fir-rumanz, speċjalment fit-transformazzjoni kollokwa tagħhom – Daniel isir Dan u Analiża ssir Ana (‘jien’ bl-Għarbi, kif tinnota omm Analiża), missier Ana isir Saqqu għall-pappagall li jismu Pappa u ġmielu jirrepeti l-ismijiet tan-nies, fosthom Markita li f’ħalqu ssir Maaakita. Ħaġa ovvja li dan kollu marbut tematikament mal-ġlieda qalila bejn is-sens propju u d-dehra tal-ġisem fil-psike tal-protagonista, jew le?

T. Hawn tidħol (waħda mill-)ossessjonijiet tiegħi. Il-kliem stess. Il-logħob bil-kliem jintrigani. Ma ngħidilkomx x’biċċa xogħol kellu l-editur biex irażżanni (Noel, grazzi!). Pappa pereżempju jdaħħal ftit tal-ironija. Il-pappagall ta’ Analiża ħanżir żgħir. Imma fl-istess waqt jirrepeti. Kif tagħmel Analiża. Is-sens ta’ ripetizzjoni jikxef l-ossessjoni jew jipperpetwaha.

Fil-każ ta’ Dan u Ana, iva kienu għażliet konxji. Dan, kollokjali, kif indikajt inti stess. Imma Dan pronom dimostrattiv li nistgħu nużawh għal oġġett. Dan isir oġġett bħal kwalunkwe entità oħra fil-ħajja ta’ Analiża. L-anoressija għandha ħabta tirkeb lil dak li jkun li ġġibu mekkaniku. Ma toħroġx ma’ sħabek għax sejrin jieklu, ma tiltaqax ma’ xi ħadd għax tibża’ li jgħidlek  tmorru tieklu xi ħaġa. Għamiltha jien ukoll. L-anoressija tant tirkeb fuqek li tibda tagħmel id-deċiżjonijiet għalik. U li tieħu ħelwa, li tieħu ritratt u li tieħu b’id xi ħadd, ħaġa faċli jsiru ħaġa waħda. U hawn tidħol Ana.

Il-mard mentali jiġi ppersonifikat b’ismijiet differenti. Mia għal Bulimia, Annie għall-ansjetà, Sue għas-suwiċidalità. Hemm iktar. (Dan diskors li tajjeb jinqabad xi darba – għadna lura fejn jidħol diskors fuq mard mentali. Għad hawn tabujiet kbar). Fil-każ ta’ Ana fir-rumanz estendejtha għat-tifsira Għarbija. Kxift konnotazzjonijiet oħra tal-kelma fil-kuntest tar-rumanz, għax Ana tiflaħ. Appuntu, Analiża ssir Ana. Mhix iktar hi li qed taħseb jew tiddeċiedi, imma Ana tagħmel kollox għaliha. Inkluż ma tikolx.

M. Ara din is-silta:

Lulju. Tmien il-Form 4. Ir-riżultati. Il-ma tiddeċiedi li la fil-Malti ma ġibtx 100, imma 78, għandha tibgħatni l-privat. 78 inqas minn 100. 78 aħjar minn 100. Ngħidilha li s-sena li għaddiet ġibt 90 u ma tkunx kelma. 90 kalorija naħraqhom fi 30 minuta. U 30 kalorija naħraqhom fi 11 il-minuta. F’sekonda naħraq lill-ma.

Hemm kważi sens ta’ soffokazzjoni f’siltiet bħal dawn li jidhru ta’ spiss fir-rumanz: numri – kaloriji – kalkoli – iktar kaloriji – iktar kalkoli. L-ossessjoni bil-ħxuna tesprimi n-natura patoloġika tagħha anke permezz ta’ din ossessjoni bin-numri, bl-aritmetika riduttiva (Analiża fil-fatt tinnota kemm huma faċli s-somom tal-kaloriji). Ma jista’ jkun xejn iktar imbiegħed mill-kumplessità tal-bijoloġija u l-ġisem minn dawn il-kalkoli riduttivi. Ħafna qarrejja se jassoċjaw din l-aritmetika tar-riduzzjoni ma’ dik tal-istatistiċi li bihom tifqalna moħħna l-midja tal-gvern u tal-kumpaniji. Tara assoċjazzjoni int? 

Daqskemm neċita ruħi bil-kliem, in-numri jifxluni. Imma meta n-numri jsiru ossessjoni jistgħu jkunu sbieħ ukoll; l-ossessjonijiet jistgħu jkunu sbieħ anke jekk perikolużi għax iwassluna sal-estremitajiet.

Niddejjaq nuża qabel u llum, imma forsi llum iktar minn qatt qabel, eħe, ibbumbardjati b’dak li jridu jitimgħuna (ħa nibqa’ fuq l-istess fil metaforiku). Il-kalkoli minn dejjem kienu hemm. Illum iktar faċli jinbeżqu f’wiċċna. Hawnhekk jidħol suġġett għal qalbi ħafna. Il-politika, primarjament bil-p żgħira. L-għażla li nikteb dan ir-rumanz kienet politika. L-għażla li niktbu bil-Malti kienet politika. Il-letteratura mhix meħlusa mill-politika. Anzi timplikaha, tinstigaha u tinnaviga fiha. U allura jekk trid tara dan il-paralleliżmu, għaliex le? Mhux faċli jinħoloq bilanċ (jekk għandu jkun hemm bilanċ) bejn il-kwalitattiv u l-kwantitattiv. Iżjed minn waħda milli mill-oħra jaf ikun frustranti. F’dan is-sens ma nagħżilx li nara n-numri bħala riduzzjoni, imma bħala mod ta’ esplorazzjoni, tip ta’ analiżi oħra li sseħħ għax hemm bżonn li sseħħ.

Kieku Ana kellha bżonn issir taf matematika kkumplikata, Analiża kienet tagħmel hekk. Imma l-kaloriji ta’ tadama u lewża ma tridx wisq għerf biex taħdimhom. U jekk tissosstitwixxihom bl-arja, trid inqas u inqas għerf.