Comments are off for this post

Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Maria Grech Ganado

Inkomplu s-sensiela ta’ intervisti b’taħdita ma’ Maria Grech Ganado dwar il-ġabra ta’ poeżiji taħt il-kpiepel t’ġħajnejja.

 

Maria Grech Ganado studjat fl-Universitajiet ta’ Malta, ta’ Cambridge u ta’ Heidelberg. Hija tikteb bl-Ingliż u bil-Malti. Ħarġet erba’ ġabriet ta’ poeżiji bil-Malti, Iżda Mhux Biss, li rebaħ il-Premju Letterarju fis-sena 2000, Skont Eva, Fil-Ħofra Bejn Spallejhataħt il-kpiepel t’għajnejja. Il-poeżiji bl-Ingliż jidhru f’tliet ġabriet: Ribcage, Cracked Canvas, li ġie mogħti l-Premju Letterarju għal kitba b’lingwa barranija fl-2004, u Memory Rape. Fis-sena 2005 organizzat Re-Visions, konferenza mal-Inizjamed u LAF (Literature Across Frontiers). Is-sena li għaddiet ingħatat il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kitba.

 

 

 

 

M. taħt il-kpiepel t’għajnejja hija ġabra pjuttost miftuħa b’sekwenza li int stess tiddiskrivi fil-kelmtejn ta’ qabel bħala ‘mitt ħaġa f’daqqa’ – riflessjonijiet fuq l-imħabba, il-ħajja ta’ kuljum, familja u n-natura, ħsibijiet metafiżiċi, biżgħat u d-dwejjaq, xbihat u waqtijiet mill-ħajja ta’ kulljum. Anke t-ton tal-vuċi jinbidel ħafna minn poeżija għall-oħra. Il-burdati u l-emozzjonijiet mhux marbuta ta’ spettru mbexxaq iżda ma’ wieħed miftuħ beraħ. Qarrejja jafu jħossu t-tentazzjoni li jqabblu din ‘il-mitt ħaġa f’daqqa’ max-xbiha li tinbet f’moħħhom huma u jaqraw: ix-xbiha ta’ mara fis-sħuħija kollha tagħha. Xbiha li tirreżisti tqassim u kategoriji, li tfur ix-xfuq ta’ kull definizzjoni fuq bażi ta’ essenza bioloġika jew psikoloġika. Tagħmel sens għalik din bħala deskrizzjoni ta’ din il-ġabra? Taraha ġġustifikata t-tentazzjoni?

T. Għandi poeżiji dwar temi soċjali wkoll, le? Aspett ieħor tal-ktieb. Però, għandek raġun. Ktibt il-kelmtejn ta’ qabel, fil-fatt, wara li xi ħadd ikkummenta dwar in-nuqqas ta’ struttura tematika fil-ktieb. Naħseb li kollha nitwieldu sħaħ sakemm iċ-ċirkostanzi tal-ħajja jqaxxru dak li stajna nsiru. Naturalment, mhux kulħadd jitwieled xorta, la ġenetikament u lanqas fl-istess post u żmien (tuffieħa Maltija mhix mango mill-Myanmar, avolja t-tnejn frotta), imma jien kont ixxurtjata ħafna – privileġġjata fl-istatus u l-karattru tal-familja, mogħtija edukazzjoni eċċezzjonali f’zmien meta rarament mara Maltija kienet tkompli tistudja wara l-O levels, kif ukoll karattru b’mezzi sentimentali u intellettwali qawwija biżżejjed biex eventwalment jegħleb esperjenzi negattivi u jdawwar kull influwenza distruttiva f’kreattività. F’din il-ġabra hemm inqas poeżiji konfessjonali minn f’dawk ta’ qabel, naħseb, u hekk jew hekk, l-poeti dejjem tkellmu dwar l-imħabba, familja, natura, u qassmu l-emozzjonijiet tagħhom bil-miftuħ. Fil-qasam tal-poeżija Maltija però, forsi kont l-ewwel mara miżżewġa u omm. Barra minn hekk, dil-ġabra ġiet ippubblikata meta kelli 71 sena. Mela bilfors kelli aktar dwar xiex nikteb. Skond Gustave Flaubert ’there is not a particle of life which does not bear poetry within it’ u dawn il-partiċelli kellhom tendenza jaqbżu fuqi kull fejn immur.

Il-poeżija metafiżika niktibha għax minn żgħira kelli moħħ kurjuż, analitiku u herqan li jsib tifsira f’kull ma nara, nisma, naqra. Iżda l-lingwaġġ akkademiku tal-filosofija xejn ma jogħġobni – bħal Heidegger nemmen li dak tal-poeżija, pur u metaforiku, aktar joqrob lejn il-metafiżiku. Barra minn hekk, jidher li l-emozzjonijiet tiegħi qawwijin aktar min-normal – kif ukoll il-burdati li m’għandix kontroll fuqhom. Skont ċerti xjenzati, numru ta’ artisti kellhom u għandhom karatteristiċi simili – l-Amerikan Christopher Morley (mhux xjenzat) kien jahseb li ‘the courage of the poet is to keep ajar the door that leads into madness’.

Dwar it-tentazzjoni – merħba biha! Tinterpreta kif tinterpreta l-poeżiji f’din il-ġabra mhix affari tiegħi. Nittama biss li għandhom xi valur universali biex jippermettu li l-qarrejja jinternalizzawhom bħala esperjenza personali – b’mod li jistghu jirrikonoxxu s-sentimenti tagħhom infushom, u mhux biss dawk tal-poeta. L-istess għadni nagħmel jien, bil-letteratura ta’ ħaddieħor (għalhekk nikkwota ħafna). Nixtieq ukoll li l-qarrejja kollha jieħdu pjaċir bil-metafori, il-mużikalità, eċċ.  Fuq kollox nittama li din il-ġabra kapaċi tispira lil ħaddieħor jesprimi s-sħuħija personali tiegħu, almenu lilu nnifsu. Naqbel ma John Lennon hawn: ‘my role in society, or any artist or poet’s role, is to try to express what we all feel. Not to tell people how to feel. Not as a preacher, not as a leader, but as a reflection of us all’.

 

M. Il-poeżija Iġborli tagħlaq bil-vrus: Agħfasni sekonda miegħek/dak kull ma nrid. Qarrej maskili jaf isib l-istess diffikultà jinterpreta dawn il-vrus li jsib b’dak il-framment ta’ Sappho fejn tgħid lill-maħbub tagħha li l-presenza tiegħu f’ħabba t’għajn neħħiet ‘id-deni’ tax-xewqa għalih. Fis-sens li tista’ tinqara bħala ammissjoni ta’ vulnerabilità daqskemm tista’ tinqara bħala wirja ta’ saħħa emozzjonali. L-istess ambigwità tista’ tinstab f’ (II) Lejl: kemm nixtieq ninża’ ma’ ħwejġi/il-passjoni/li tagħmel minni mara/ta’ xort’oħra/minn dik li tixtieq int. Li kellek tipprova tispjega lil tali qarrej f’xiex issarraf vulnerabilità li mhux vulnerabilità biss (bħal ma forsi hi dik assoċjata mal-irġiel), x’tgħidlu?

T. Osservajt spiss li l-irġiel, almenu dawk minn pajjiżi patrijarkali, iħossuhom skomdi fejn jidħlu l-emozzjonijiet (ħlief dik tar-rabja). Però, ma naħsibx li l-kawża hi endoġena, avolja skont ir-riċerka  ta’ ċerti xjenzati, differenzi strutturali fil-moħħ bijoloġiku taż-żewġ sessi jistgħu jinfluwenzaw il-mudell tal-ħsieb. Naħseb li l-influwenza kulturali għandha x’taqsam ħafna.  Illum nagħrfu li n-natura sesswali tal-bniedem ma tistax tinqasam b’mod konvenjenti f’żewġ opposti.  U jidher ukoll li, f’soċjeta li saret kważi esklużivament materjalista, konsumerista u kompettitiva, ħafna qed jingħalqu fihom infushom, u din ħaġa allarmanti għax id-depressjoni qed tiżdied kull sena fost iż-żgħażagħ.

Personalment, ma nistax nifhem għala għandha tinħeba kwalità umana bħall-vulnerabbiltà, speċjalment f’relazzjoni intima. Kulħadd għandu bżonn komprensjoni, kompassjoni, tenerezza – għalfejn għandu jippretendi li mhux hekk?  Illum ma nafda l-ebda istituzzjoni, imma ma nistax ma nammirax lill-Papa Francesco talli jenfasizza l-ħtieġa tal-ħniena, il-maħfra u t-tenerezza flok l- awtorità, r-ritwal u l-intransiġenza tal-knisja kif konna nafuha. Li tissottometti ruħek għall-indifferenza ta’ soċjetà bla ruħ u bla qalb, turi kemm int b’sahhtek jew kontra?

F’relazzjoni intima, però, żewġ persuni jistgħu jsibu spazju għal fiduċja reċiproka li telimina kull kunċett ta’ saħħa jew dgħjufija, spazju li fih it-tnejn kapaċi jisqu lil xulxin bid-differenzi tagħhom, flok iħalluhom jifirduhom. Il-biża tal-abbuż emozzjonali tkisser il-fiduċja u l-imħabba billi ġġib magħha l-kunċetti ta’ dgħjufija u saħħa li semmejt qabel. Veru li qed noħlom ta’ idealista li dejjem kont, u dan il-ħolm jinkixef fl-aħħar vers ta’ Igborli. L-aktar haġa mixtieqa fost l-affarijiet li ġew mitluba qabel – kollha delikati, bħat-tenerezza li hi aspett ta’ imħabba ġenwina daqs il-passjoni sesswali, hi sinjal ta’ affezzjoni. It-tieni strofa mbagħad, permezz tal-metafori, titlob imħabba friska, ġdida, ġentili daqs dik mogħtija lil tarbija meta nagħfsuha magħna. Naħseb id-dgħajjef dak li jabbuża minn sentimenti bħal dawn jew jibża’ jirreċiproka, mhux dak li għandu il-kuraġġ joffrihom, għalkemm jaf li jista’ jiġi mweġġa’.

Ta’ Sappho hu sentiment aktar dinamiku li ma nazzardax ninterpretah, minħabba li ma nafx sew t-teoriji tagħha dwar it-tensjoni bejn l-eċitazzjoni tax-xewqa u t-twettiq tagħha – ix-xewqa dejjem għandha elementi immaġinarji, ikolli ngħid. Bla ma rrid, niftakar kif kont nixgħel malli l-presenza tal-maħbub timla l-vojt li nkun ħassejt mingħajru, imma ma nafx jekk hux għal dan is-sentiment elettrifikanti li qed tirreferi Sappho.

It-tensjoni bejn iż-żewġ poeżiji ta’ Id-Differenza mill-banda l-oħra hi waħda ta’ dikotomija sentimentali fl-istess qalb –  f’Jum nippreżenta kas ta’ mara qed tagħti servizz personalizzat lil żewġha, imqarr b’tazza kafè, waqt li hu kapaċi jqis tali servizz, mhux biss servili, imma wieħed li jixraqlu, bħallikieku tagħha servilità dovuta, avolja xogħolu aktarx impersonali u dejjem xorta, tkun min tkun il-mara. It-ton ta’ dil-poeżija analitika ma juri ebda emozzjoni, bħar-relazzjoni ta’ bejniethom. F’Lejl xtaqt nippreżenta f’qalb mara, il-ġlieda interjuri bejn il-passjoni għall-maħbub u l-affermazzjoni ta’ identità qawwija. Il-mara tagħti ġisimha f’sess mixtieq minnha, imma mhux b’daqshekk lesta tissottometti ruħha ghar-rieda tar-raġel. Xi minn daqqiet nissuspetta li hemm min jibża’ mill-poter tax-xewqa passjonali nnifisha, u ghalhekk jibza wkoll minn min iqanqalha.

Attwalment, insibha diffiċli nispjega dak li nikteb loġikament, meta huma l-poeżiji stess li suppost jikkomunikaw il-paradossi u l-kumplessità ta’ relazzjoni – bħala esperjenza vitali flok deskrizzjoni fattwali. Ir-relazzjoni ta’ kliem sempliċi bejniethom u bejn il-vrus li jgħaqqduhom, kif ukoll ma dak li ma jintqalx, fl-opinjoni tiegħi, tirrifletti aħjar l-ambigwità tal-kundizzjoni umana b’mod li joħloq saħansitra sentimenti ta’ empatija.

 

M. Ara din il-poeżija mill-ġabra:

WIĊĊ B’IEĦOR

 

Ibża’ mill-anġlu li jurik biss sbuħitu,

l-ikraħ pinġut fuq dahru

moħbi minn ġwenħajħ –

 

iżjed ma huma kbar, b’saħħithom,

imrejxa bi kliem ħelu

iżjed mhu b’saħħtu l-ħalq fuq dahru,

jitgħawweġ bi stmerrija –

 

meta jiftaħ ġwienħajh

is-sema l-ikrah jara.

 

Klaus Kinski rrakkomanda li ‘one should judge a man mainly from his depravities. Virtues can be faked. Depravities are real.’ Mod ieħor kif tgħid li meta rajtek f’l-agħar agħar tiegħek, imbagħad biss nista’ ngħid min int u xi sarraf. Maria, int ġejja minn dinja differenti minn dik ta’ ħafna qarrejja tiegħek, id-dinja tal-bourgeoisie lokali, b’valuri partikolari ħafna, liema valuri ma tantx tidher li taqsam magħhom mhux biss fil-kitba tiegħek imma anke bħala persuna u figura pubblika. X’kien?

 

T. B’din il-metafora xtaqt biss nagħmel distinzjoni bejn id-dehra tal-bniedem u l-verità li ma narawx. Ma naħsibx li kelli f’moħħi dinjiet soċjali jew ta’ xort oħra. Il-bniedem għandu ħabta jibza’ mill-‘ieħor’ u jpingih skond il-perspettiva tiegħu. Għandi poeżija li fiha nilgħab bil-kelma ‘arti’, fejn nammetti li ma nista’ nsib l-ebda affinità f’settur soċjali li jeskludi lil min mhux bħalu, lanqas fix-xena letterarja lokali. M’inix qed ngħid li m’għandix il-preġudizzji tiegħi, imma m’għandhom x’jaqsmu xejn ma settur jew ieħor tas-soċjetà, pjuttost ma’ xi wħud li nqishom arroganti, inġusti, injoranti, psatas, ecc. Dawn issibhom f’kull settur, valuri partikulari jew le. U xi minn daqqiet niżbalja billi niġġudika b’dal-mod, għax mhux dejjem ikolli raġun. It-tentazzjoni li ċċekken lil ħaddieħor sabiex tikber int hi universali, le? U ara ma taħsibx li jien ukoll ma jkollix għalfejn niġġildilha. Forsi min jidher supperv mhux ħlief mistħi, u min jistmerru għax iqis lilu nnifsu superjuri, għandu valuri partikulari xort’oħra, avolja ma twelidtx fil-bourgeoisie. Il-ġeneralizazzjoni qatt m’għoġbitni u f’dan il-każ naf sew fuq xiex qed nitkellem. Fis-setturi lokali, huma li huma, naf min iħossu mweġġa’ mill-preġudizzju a priori, bħallikieku tort tiegħu li twieled f’post flok f’ieħor. Il-poeżija tiegħi xtaqet tpinġi eżempju ta’ dak li aħjar ma tafdax fih, għax kapaċi jagħmxek b’sbuħitu jew is-sbuħija ta’ dak li joffrilek. L-anglu jista’ jirrappreżenta individwu. Imma wkoll entità, jew stat mixtieq, jew il-fortuna eċċ.

 

Il-karattru tiegħi  pjuttost jixbah lil ta’ missieri. Iżżewweġ tfajla Għawdxija minn familja ta’ teżorir fiċ-Ċivil, u kien totalment spontanju u miftuħ, kolt, ġust, iħobb il-ħajja sempliċi, eċċentriku, maħbub immens ħlief minn min kien jiffissa li xtaqlu d-deni – kontrih kien jisfoga apertament. Mhux sew, imma jien ukoll nista’ nġib ruħi hekk waqt xi attakk ta’ ‘mania’. Għalhekk ma nħobbx niġġudika lil ħaddieħor. Bil-kontrarju nitlob li na niġix iġġudikata jien talli twelidt b’dil-kondizzjoni – l-aktar ma tfixkel lili.

 

Kif jista’ jassigurak kull min kien jaf lil missieri, dak li ktibt int fl-ewwel mistoqsija ‘xbiha li tirreżisti tqassim u kategoriji, li tfur ix-xfuq ta’ kull definizzjoni fuq bażi ta’ essenza bioloġika jew psikoloġika’, tiddeskrivih perfettament. Kien minnu li werriet il-kondizzjoni mentali tiegħi, għax hu wkoll kien bipolari, u probabbilment l-kondizzjoni fiha nnifisha għandha x’taqsam ma’ dan it-tip ta’ karattru. Forsi le, forsi jien bħalu għax hu rabbini, hu ħajjarni nkompli nistudja barra minn Malta, kontra r-rieda t’ommi li bezgħet mid-dinja mimlija tentazzjonijiet perikolużi wisq għall-bintha innoċenti ta’ 21 sena. Minn għandha werriet it-tbissima u s-sens tal-umoriżmu. Is-sema sabiħ biss ra, meta l-ġenituri bourgeois tiegħi fetħu gwienħajhom u taru l’hemm. Nassigurak li kienu jkunu maħbuba wkoll mill-qarrejja kollha tiegħi.