Comments are off for this post

Tliet Mistoqsijiet lill-Awtur: Taħdita ma’ Rita Saliba

 

 

Inkomplu s-sensiela ta’ intervisti ma’ awturi b’taħdita mal-kittieba Rita Saliba dwar il-ktieb tagħha Il-Kulur tal-Lellux.

 

Saliba rebħet il-Konkors Nazzjonali ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ tliet darbiet bir-rumanzi tagħha Inżul ix-Xemx (2011), Bella Berger (2013) u Il-Kulur tal-Lellux (2016). Fl-2014 qalbet mit-Taljan għall-Malti  żewġ rumanzi oħra għall-adolexxenti, Il-Misteru tad-Dniefel tal-Ġebel u Il-Misteru tal-Labirint. Kitbet ukoll kotba għat-tfal u għall-adulti. Fost dawn ta’ l-aħħar, hemm ġabra ta’ novelli, Satin, li ħarġet fl-2014. Fl-Lulju li għadda ppubblikat Damask, it-tieni ġabra ta’ novelli għall-adulti.

Kitbet ukoll numru ta’ novelli qosra tal-ġeneru flash fiction li wħud minnhom huma ppubblikati f’antoloġija bl-isem ta’ Għidli Mitejn, maħruġ fl-2014. Novelli oħra ta’ Rita Saliba ġew ippubblikati f’Leħen il-Malti, maħruġ mill-Għaqda tal-Malti Università u f’Il-Malti, ippubblikat mill-Akkademja tal-Malti.

 

 

 

 

M: Il-protagonista ta’ Il-Kulur tal-Lellux hija Amber, tfajla li tbati minn heterochromia iridium, il-kundizzjoni ġenetika li tikkawża differenza fil-lewn tal-għajnejn. Hija ukoll l-unika tifla ta’ omm waħedha bi problemi serji kemm fir-rigward ta’ saħħa mentali kif ukoll fejn jidħlu mezzi finanzjarji. Tista’ tispjega x’kienet il-motivazzjoni wara l-għażla tal-karattru ta’ Amber u ċ-ċirkostanzi soċjali, ekonomiċi u fiżiċi tagħha? Kif jidħlu fil-kuntest tan-narrativa dawn id-dettalji? Kemm kienu neċessarji għar-rakkont?

T: Amber hija differenti. Jew aħjar meta daħlet l-iskola sħabha bdew jarawha differenti u saret konxja minn dal-fatt. Il-karattru ta’ Amber jista’ jkun li beda jissawwar minn karattri li niltaqa’ magħhom jew li ninnota madwari. Mhux bilfors ikunu ġejjin minn sfond soċjali bi problemi. Jista’ jkun karattru ta’ żgħażugħ/żgħażugħa li jidher li għandu kollox iżda li juri insigurtajiet minn kif iġib ruħu ma’ ta’ madwaru. Jista’ jkun ukoll telgħu fil-wiċċ xi insigurtajiet taż-żogħżija tiegħi. Ġieli ġew mumenti li kont nistaqsi lili nnifsi, “min jaf li kieku nitlef l-imħabba ta’ dawk ta’ madwari, is-sigurtà ta’ familja li tgħożżni, irrid immexxi l-finanzi tad-dar jien?” L-adolexxenza hija żmien ta’ prova kultant, imqar titlef ħbiberija – tħoss id-dinja żgħira ta’ madwarek tikkrolla …

M: Fir-rumanz hemm ħafna referenzi għal forzi soċjali bħall-Appoġġ, l-istrutturi ta’ fostering u adoption, u l-iskola. Hemm ukoll Rose, il-ħabiba ta’ omm Amber li żżomm kuntatt ma’ Amber u turi ċerta kura u interess  ġenwin fil-ħajja ta’ Amber. Ir-rumanz jieħu pożizzjoni pjuttost newtrali dwar l- utilità jew in-nuqqas ta’ utilità tas-servizzi soċjali, għalkemm iħalli ħjiel li dawn l-istituzzjonijiet, bħas-sinjura Gatt tal-aġenzija Appoġġ, jistgħu l-iktar l-iktar jaqdu dmirhom u xejn iktar. Kemm taqbel ma’ qari tar-rumanz tiegħek li jara kuntrast b’saħħtu bejn l-istituzzjonijiet fuq naħa waħda bħala forza soċjali limitata ħafna fl-iskop tagħha u Rose fuq n-naħa l-oħra bħala simbolu u manifestazzjoni tas-saħħa tal-komunità li verament tista’ tilħaq lil dawk li, bħal Amber, spiċċaw waħedhom?

T: It-tema ewlenija tar-rumanz hija l-fostering, però ma xtaqtx nidħol fi strutturi u burokrazija u l-proċess. Dawk tajtu rwol sekondarju. Aktar ikkonċentrajt fuq il-karattri. Ridthom joħorġu b’saħħithom. Iva, aġenziji soċjali bħall-Appoġġ ikollok issemmihom f’xi ħin. Iżda dħalt fiż-żarbun t’Amber; lejn min xtaqet iddur għal ftit wens fi żmien diffiċli. L-istruttura ta’ familja estiża hija kemxejn imbenġla. Kienet taf li jekk tiġi nieqsa ommha ma tantx kellha fuq min iddur. L-unika familja li taf kienet, tajba jew ħażina, kienet dik tal-blokka fletts li kienet tgħix fiha. Il-kuġina Megan kienet ħabiba tal-logħob tat-tfulija u lkoll nafu kemm jinbidlu l-affarijiet meta nibdew nikbru. Jista’  jkun li sabet spalla permezz taz-ziju Patrick, għalkemm għal xi raġuni jkollu jibqa’ ftit ’il bogħod. Nemmen li b’xi mod il-karattri li jidħlu f’ħajjitna joħorġu t-tajjeb jew dak li hu skur fil-karattru tagħna. Karattru stabbli bħal ta’ Rose jaf ikun punt ta’ riferiment fid-deċiżjonijiet li nieħdu, dak tal-omm se jixpruna fina sens (forsi inġustament) ta’ responsabbiltà. Karattri sekondarji bħal dak ta’ Johnny jista’ joffri stimolu għal emozzjonijiet x’aktarx aggressivi jew ta’ difiża. U anke l-karattru passiv tas-Sinjura Gatt hemm bżonnu. Imma fl-aħħar mill-aħħar Amber tiddependi l-aktar minnha nnifisha u mill-ħiliet tagħha kif għandha tikkumbatti d-diffikultajiet tal-ħajja.

M: Ara dan is-silta mill-ktieb:

Ħadtilha r-rivista u bdejt inqalleb fiha. Bdejt nipprova nifhem: kif James ried jibdel id-dinja? Kif seta’ jbiddel lil ommu, Rose, mid-dinja tiegħu? Jien ukoll xtaqt nibdel id-dinja. Ma kinitx togħġobni d-dinja li kont qed ngħix fiha. Xtaqt dinja isbaħ b’nies li jimpurtahom minnek.

”Jidhirli li fid-djarju semmiet lil xi ħadd jismu xi ħaġa tixbaħ lil Leslie…” ftakart.

Rose tbissmitli, ”Dak Lech Walesa, il-fundatur ta’ għaqda tal-ħaddiema fil-Polonja. Niftakar li kien l-idolu ta’ James u ta’ ħafna żgħżagħ dak iż-żmien. Kien jiġġieled għad-drittijiet tal-ħaddiema. Niftakar lil James jgħidli li dar-raġel kien waqqaf moviment, Solidarność, li kien joffri reżistenza kontra l-gvern militari li kellhom fil-pajjiż. Għaddew minn ħafna tbatijiet in-nies tal-Polonja!”

Kemm taħseb li huma rilevanti l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjoni ta’ James għall-ġenerazzjoni ta’ Amber u, f’aħħar mill-aħħar, tal-qarrejja li għalihom huwa maħsub ir-rumanz? Hemm lezzjonijiet li jistgħu jitgħallmu minn dawk il-ġrajjiet?

T: Naħseb li f’kull żmien iż-żgħażagħ u l-adolexxenti jħarsu b’ammirazzjoni lejn l-idoli, l-eroj tal-ġenerazzjoni tagħhom. Permezz ta’ din is-silta ridt insib parallelliżmu bejn Amber u Elizabeth. Elizabeth, u James, kellhom l-idoli tagħhom, ta’ żmienhom. Meta Amber bdiet issir taf lil Elizabeth bdiet toħroġ aktar mill-qoxra timida tagħha. Bil-mod il-mod nibtet ammirazzjoni lejn Elizabeth, li wkoll kienet għaddejja minn żmien diffiċli. Riedet issir taf min kienet, min kienu l-idoli tagħha u għaliex. Ma kelli l-ebda intenzjoni li nagħti xi lezzjoni tal-istorja hawnhekk. Iżda nemmen li ż-żgħażagħ għandhom l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tagħhom tal-futur. Hija l-forza ġewwinija u kemm jemmnu fihom infushom li twassalhom għat-toroq li jagħżlu tul il-ħajja.