L-esebituri tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023
Dawn huma l-esebituri li qed jipparteċipaw fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023 bil-ħwienet tal-kotba tagħhom. Segwi l-ħoloq għas-siti tagħhom sabiex tixtri l-kotba, tiskopri titli ġodda u tibbenefika mill-offerti.
L-esebituri tal-Festival ħejjew attivitajiet għaż-żgħar u l-kbar mifruxin fuq il-ħamest ijiem tal-Festival. Żur il-Programm tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023.

Dak li jiddistingwi 4sight Publications minn djar tal-pubblikazzjoni oħra huwa d-dedikazzjoni tagħha sabiex trawwem relazzjoni b’saħħitha mal-awturi tagħha. Il-kumpanija temmen li l-kittieba għandhom jingħataw kontroll fuq ix-xogħol kreattiv tagħhom waqt li tipprovdilhom għajnuna professjonali biex tgħinhom jiksbu s-suċċess. 4sight Publications għenet kittieba sabiex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom li jsiru awturi ppubblikati billi pprijoritizzat il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-awturi tagħha. B’attenzjoni għall-kwalità u b’impenn għall-eċċellenza, 4sight Publications tkompli tespandi l-katalgu tagħha b’titli diversi u affaxxinanti. Jekk hux rumanz polizjsek li jqanqlek, ktieb mhux fittizju li jħassbek, jew poeżija qawwija x’tintilef fiha, 4sight Publications tiggarantixxi lill-qarrejja letteratura li teċita, tispira, u tisfida.

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, twaqqfet bl-għan li tippromwovi u li tiżgura t-twassil tal-aspetti differenti tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu Għal Kulħadd f’Malta u f’Għawdex. L-Aġenzija qiegħda sservi bħala l-promotur ewlieni fil-qasam tal-litteriżmu u tfittex li tmexxi u ssaħħaħ prattiċi ta’ kwalità għolja fil-litteriżmu li jservu għal matul il-ħajja. Hija tara li ssaħħaħ ir-riżultati tal-litteriżmu, li l-qofol tagħhom huma prattiċi inklussivi, kwalifiki għola tal-edukattivi, u prospetti aħjar fil-qasam tax-xogħol.

Agenda Bookshop huwa wieħed mill-aktar bejjiegħa tal-kotba u tal-fuljetti importanti f’Malta. Il-ħwienet tal-Agenda jinsabu f’postijiet ċentrali u ewlenin f’Malta, fosthom l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u stabbilimenti ewlenin tax-xiri. Għand Agenda Bookshop issib l-aqwa u l-aħħar kotba li kienu suċċess madwar id-dinja, kif ukoll għażla wiesgħa ta’ titli ġodda kuljum. L-għażla ta’ kotba għand Agenda hija varja daqs kemm mistennija li tkun minn ħwienet tal-kotba ewlenin fir-Renju Unit.

Il-Komunità Musulmana Ahmadiyya hija organizzazzjoni reliġjuża internazzjonali b’fergħat f’aktar minn 210 pajjiżi. Hija tinkoraġġixxi djalogu, paċi, imħabba u rispett bejn segwaċi ta’ twemmin differenti. Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana tippromwovi l-edukazzjoni, l-għarfien u l-qari tal-kotba, u għal dan l-għan il-Komunità tippubblika kotba bil-Malti. Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana hija magħrufa wkoll għas-sehem tagħha attiv fl-għajnuna soċjali u li tgħin lil dawk li huma fil-bżonn, u tinvolvi ruħha f’ħidma karitatevoli u filantropika. Il-motto tagħha huwa: “Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd”.

Il-Kunsill Malti għall-Arti huwa l-aġenzija nazzjonali għall-iżvilupp u l-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi. Il-Kunsill jamministra portafoll ta’ finanzjament għas-setturi kulturali u kreattivi permezz tal-programmi ta’ finanzjament nazzjonali tiegħu. Il-missjoni tagħna hija mmexxija mill-impenn tagħna favur id-drittijiet kulturali u l-investiment fl-arti sabiex insaħħu l-ekoloġija kreattiva u kulturali ta’ Malta.

BDL Distribution ilu għal aktar minn 25 sena d-distributur ewlieni ta’ pubblikazzjonijiet fil-ħwienet tal-kotba u ħwienet oħra f’Malta u Għawdex. BDL Publishing, it-tieni pilastru tal-kumpanija, jispeċjalizza f’kotba ta’ kwalità li jvarjaw minn letteratura fittizja għat-tfal għal kotba prestiġjużi tal-Melitensia. It-tielet pilastru tal-kumpanija huwa BDL Retail. Il-ħanut ta’ San Ġwann jinkludi ġabra estensiva tal-aqwa kotba fejn wieħed jista’ jfittex u jixtri direttament minn għażla ta’ ’l fuq minn 20,000 titlu.

Bookends huwa ħanut il-Fgura li joffri kotba ġodda bi prezzijiet ferm iktar baxxi mill-prezzijiet oriġinali tagħhom. Għandek issib għażla kbira ta’ kotba fuq suġġetti differenti. Fis-suq lokali Bookends kiseb reputazzjoni qawwija, kemm għall-kwalità tal-kotba, kif ukoll għall-prezzijiet irħas ħafna.

Id-dar tal-pubblikazzjoni Bonfirraro, li ilha indipendenti mill-1986, immedjatament irnexxielha tiddistingwi ruħha permezz tal-produzzjoni ta’ kotba fittizji ta’ kwalità, kif ukoll għall-enfasi tagħha fuq veritajiet storiċi mħabbra għall-ewwel darba, u s-sensiela ta’ esejs u investigazzjonijiet dwar suġġetti ta’ impatt soċjali konsiderevoli. L-orjentazzjoni ta’ din id-dar tal-pubblikazzjoni, li xxaqleb lejn tip ta’ letteratura “impenjattiva”, tiddetermina l-pubblikazzjonijiet kuraġġjużi li jiddenunzjaw kull tip ta’ inġustizzja, bl-għan li jikontribwixxu lejn il-ġlieda għall-affermazzjoni tal-libertà, valur ikkunsidrat bħala inaljenabbli. B’serjetà, bi spirtu ta’ sagrifiċċju u f’konformità mal-prinċipju “L-istorja tagħna hija l-futur ’il fejn interrqu…,” Bonfirraro tħobb tħares fit-tul, u tosserva dak li hu lil hinn, “’il barra mill-fruntiera,” biex tisfida lilha nnifisha u tirbaħ l-isfidi li jidhru impossibli mad-daqqa t’għajn.

Deer Publications hija dar tal-pubblikazzjoni żgħira li stabbiliet ruħha fil-qasam partikolari iżda popolari ta’ kotba relatati mal-ħajja tal-qaddisin u ċ-ċelebrazzjonijiet soċjokulturali tagħhom li jsiru lokalment b’pompa u entużjażmu kbir. Il-pubblikazzjoni ewlenija tagħha hija l-enċiklopedija tal-festa Ilwien il-Festi Maltin (kull wieħed mill-għaxar volumi jinkludi ’l fuq minn 650 ritratt meħud mill-fotografu professjonali u dilettant tal-festa Mark Micallef Perconte). L-editur tas-serje huwa Andrew Borg li wkoll daħal mill-ġdid fis-suq tal-kotba tal-qaddisin addattati għall-qarrej żagħżugħ. L-aħħar proġett ta’ Deer Publications huwa pubblikazzjoni maġġuri ta’ kollezzjoni ta’ studji akkademiċi dwar San Ġużepp, li għalih il-Papa Franġisku ddikjara l-2021 bħala s-sena speċjali tiegħu.

Koperattiva Kixott huwa ħanut tal-kotba u spazju għall-avvenimenti kulturali. Il-koperattiva hija magħmula minn numru ta’ artisti u b’kollaborazzjoni ma’ Ede Books.
Ede Books hija impriża żgħira ta’ pubblikazzjoni li tipproduċi kotba u pubblikazzjonijiet perjodiċi b’kontenut viżiv li jmiss mal-arti, il-poeżija, il-fotografija u l-kultura urbana.

Id-Dar tal-Pubblikazzjoni Faraxa twaqqfet fl-2011 bil-għan li tippubblika traduzzjonijiet letterarji u mhux għal-lingwa Maltija; xogħlijiet ta’ awturi rinomati fid-dinja, kif ukoll ta’ dawk inqas magħrufa. Is-Sensiela Traduzzjonijiet Faraxa issa tinkludi ’l fuq minn 25 xogħol klassiku Ewropew fit-traduzzjoni għall-Malti u se tkun qed tespandi aktar. Faraxa ppubblikat kotba ta’ ħafna ġeneri, minn xogħlijiet akkademiċi, mużika klassika, poeżija, filosofija, xogħlijiet għall-adolexxenti, kif ukoll xogħlijiet ta’ fantasija u letteratura għat-tfal.

Fondazzjoni Sagħtar hija l-id professjonali tal-Malta Union of Teachers (MUT), u taħdem biex ittejjeb u ġġib ’il quddiem il-kwalitajiet professjonali tal-edukaturi Maltin u Għawdxin, u tgħin fil-ħidma edukattiva permezz ta’ pubblikazzjonijiet, korsijiet, taħditiet u riżorsi edukattivi oħrajn. Ewlenija fost il-pubblikazzjonijiet tal-Fondazzjoni hija r-rivista popolari Sagħtar, li toħroġ kull xahar matul is-sena skolastika u għandha storja ta’ 50 sena.



L-ambaxxata se tippreżenta l-programm kulturali tagħha. Barra minn hekk, se tipprovdi informazzjoni dwar universitajiet Franċiżi u l-korsijiet diversi li joffru bl-Ingliż. L-Alliance Française Malte-Méditerranée, li qed tiċċelebra l-65 anniversarju tagħha, se tipprovdi sensiela wiesgħa ta’ kotba (kemm ġodda kif ukoll użati) għal kull età li jkopru varjetà kbira ta’ suġġetti bi prezzijiet raġonevoli. Se jkollha bosta kotba b’qari ffaċilitat bi prezzijiet jerġa’ aktar skontati għall-viżitaturi li ġejjin mill-iskejjel. Lireka huwa ħanut tal-kotba online bbażat fi Franza, u joffri aktar minn miljun ktieb bil-Franċiż lil qarrejja mid-dinja kollha b’pustaġġ b’xejn. Lireka se jkunu qed jippreżentaw xi kotba mill-katalgu wiesa’ tagħhom, fosthom rumanzi, kotba tat-tfal, kotba tal-esejs, komiks, manga, kotba tas-safar…

ĠEMMA hija pjattaforma indipendenti u affidabbli dwar il-kapaċità finanzjarja fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet għat-Tfal. L-għan ta’ ĠEMMA hu li teduka liċ-ċittadini u tipprovdilhom ħiliet finanzjarji skont l-età u l-bżonnijiet tagħhom.

Il‐German‐Maltese Circle hija organizazzjoni volontarja li twaqqfet fit‐18 ta’ Ottubru 1962. L‐għan tagħha huwa li tippromwovi ħbiberija bejn il‐Ġermanja u Malta u għaldaqstant l‐Għaqda ilha mit‐twaqqif tagħha torganizza attivitajiet kulturali u korsijiet tal-Ġermaniz kemm għat‐tfal u kemm għall‐adulti. // Id‐Dipartiment tal‐Ġermaniż huwa parti mill‐Fakultà tal‐Arti fl‐Università ta’ Malta. Id‐Dipartiment joffri l‐opportunità li l‐istudenti jistudjaw il‐Ġermaniż f’firxa ta’ korsijiet: korsijiet full‐time undergraduate u postgraduate (BA Unuri bil‐Ġermaniż, BA Ġenerali bil‐Ġermaniż, MA u PhD bil‐Ġermaniż), korsijiet tal‐lingwa part‐time għal‐livelli kollha tal‐lingwa (Ċertifikat/Diploma fil‐Profiċjenza tal‐Lingwa), u korsijiet part‐time filgħaxija għall‐pubbliku ġenerali (Ċertifikat/Diploma bil‐Ġermaniż).

L-Għaqda tal-Malti – Università hija organizzazzjoni studenteska bl-għan li tirrappreżenta lill-istudenti tal-Malti f’livell postsekondarju u terzjarju, u toffri spazju għal kull min għandu għal qalbu l-Malti sabiex jaħdem favur din il-lingwa, b’modi differenti. Kull sena l-Għaqda tniedi l-pubblikazzjoni annwali tagħha, Leħen il-Malti, waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

Heritage Malta hija l-aġenzija nazzjonali tal-mużewijiet, il-konservazzjoni u l-patrimonju kulturali. Hija attiva ferm fil-kamp tal-pubblikazzjoni bħala parti mill-isforzi tagħha b’risq id-demokratizzazzjoni tal-patrimonju. Il-firxa ta’ xogħlijiet ippubblikati tinkludi katalgi tal-wirjiet, ġabriet ta’ studji, kotba għat-tfal, kotba marbuta ma’ proġetti ta’ konservazzjoni u riġenerazzjoni, u studji aktar iffukati. Fil-ħarifa tal-2015, Heritage Malta nediet ukoll perjodiku li joħroġ darbtejn fis-sena.

Horizons hija waħda mid-djar tal-pubblikazzjonijiet ewlenin f’Malta, rebbieħa ta’ bosta premji letterarji fil-kategoriji differenti tal-kotba. Ippubblikat awturi magħrufa u stabbiliti bħal Mario Azzopardi, Charles Briffa, Lina Brockdorff, Victor Fenech, Charles Flores, Albert Marshall, Gorg Peresso, Giuseppe Schembri Bonaci u Vincent Vella, kif ukoll introduċiet awturi ġodda bħal Eman Bonnici, Edgar Formosa, Jacqueline Mizzi, Sergio Grech, Tyrone Grima, Stephen Lughermo, Justin Schembri u André Mangion.

Inanna hija dar tal-pubblikazzjoni idealistika ta’ kotba u artikli bbażati fuq ix-xjenza. Il-pubblikazzjonijiet jinkludu xogħol fuq il-preistorja ta’ Malta, speċjalment dik t’Għawdex, l-istorja tan-nisa u t-tradizzjoni orali, b’emfasi partikolari fuq is-simboliżmu.

L-Istituto Italiano di Cultura huwa simbolu tal-wirt Taljan f’Malta u huwa parti mill-Ambaxxata Taljana f’Malta. L-għan ewlieni tiegħu huwa l-promozzjoni tal-lingwa u l-kultura Taljana permezz ta’ avvenimenti – bħal wirjiet, kunċerti u konferenzi – u librerija estensiva miftuħa għall-pubbliku.

Jens C. Büdinger huwa l-kittieb awtopubblikat ta’ The Chronicles of Lilith, serje ta’ ġeneru metafiżiku, oskur u fantaxjentifiku li tlaqqa’ lil The Lord of the Rings u Game of Thrones ma’ Inception f’epika narrattiva mimlija azzjoni. L-ewwel żewġ kotba, The Queen of Shards u The Darkness Within, ġew ippubblikati fl-2022 u 2023 rispettivament.

Joseph, jew kif inhu aktar magħruf, Joe, ġej minn qasam artistiku li jinkludi l-pittura, l-arti grafika u l-fotografija. Ilu jaħdem fil-fotografija artistika mill-1979 u laħaq l-ogħla livell ta’ Fellowship f’diversi organizzazzjonijiet professjonali kemm lokali u barranin. Studja wkoll d-disinn grafiku ġewwa Firenze u fl-2015 iggradwa b’Maġisteru fil-Belle Arti u l-Arti Diġitali mill-Università ta’ Malta. Joe jaħdem l-aktar fil-fotografija dokumentattiva, l-arti performattiva, il-portrait u arkitettura. Kellu diversi wirjiet personali kif ukoll kollettivi kemm f’Malta u barra minn xtutna, u rċieva diversi premjijiet internazzjonali fosthom fil-wirja prestiġjuża Taylor Wessing Portrait Prize ġewwa Londra fl-2014, l-2015 u l-2021.

Il-kreattività, l-innovazzjoni, u l-kwalità għolja u ta’ interess għall-qarreja huma fost l-aktar kunsiderazzjonijiet importanti għal Kite Group. Permezz ta’ kull ktieb, Kite Group jimmira li joħloq esperjeza li tagħti gost lill-qarrejja. Dan jgħodd kemm għal min ifittex il-viżiv u anki għal min ifittex il-qari. Fost il-kotba li ġew ippubblikati minn din id-dar tal-pubblikazzjonijiet, rebbieħa ta’ diversi premjijiet, hemm dawk dwar l-arti, il-kultura, bijografiji, stejjer qosra, kotba t’umoriżmu, fotografija, arkitettura, liġi u l-istorja ta’ pajjiżna. Kite Group joffri servizz lill-qarrejja u lil kull min irid jippubblika ktieb. Tista’ tixtri kotba ppubblikati minn Kite Group minn www.kitegroup.com.mt u tingħata skont ta’ 25% billi ddaħħal il-kodiċi tal-kupun BOOKS25.

Pubblikaturi u produtturi ta’ kotba artiġġjanali u prodotti tal-karta maħduma bl-idejn. L-istorja ta’ Kotba Calleja tibda mill-imħabba għall-karta bħala materjal umli, uniku u versatili. Hija passjoni li tissarraf fi prodotti ta’ kwalità maħduma mill-bidu sal-aħħar f’Malta. Kull parti tal-proċess – kull tinja, kull qtugħ, kull pont ħjata, kull inkollatura – issir bl-idejn, bir-reqqa u bil-paċenzja. Għalhekk uniċi. Kotba Calleja tippubblika letteratura li ma tibżax tesperimenta, li tgħarrex fl-idjoma, fil-vokabularji, fis-sintassi għal xbihat li jagħtu identità ġdida lill-poeżija u r-rumanz Malti. Din id-dar ta’ pubblikazzjoni tirrapreżenta kemm kittieba stabbiliti kif ukoll poeti u rumanziera ġodda.

Fl-1975 is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija magħrufa bħala M.U.S.E.U.M. żviluppat ħanut tal-kotba, illum stabbilit sewwa, bl-isem tal-fundatur tagħha, Preca Library. Il-ħanut jispeċjalizza fil-bejgħ ta’ letteratura reliġjuża u riżorsi multimedjali oħra minn bosta mid-djar tal-pubblikazzjoni ewlenin fl-Ewropa, l-Asja u l-Amerika ta’ Fuq. F’Novembru 1997 il-ħanut tal-kotba mexa għal żona aktar spazjuża u ddisinjata speċifikament għalih fid-Dar Ċentrali tas-Soċjetà fi Blata l-Bajda, li toffri aċċess aħjar għall-pubbliku ġenerali. Minbarra l-varjetà kbira ta’ kotba spiritwali, il-Librerija Preca toffri varjetà kbira ta’ tifkiriet Nisranin għall-okkażjonijiet kollha: Il-Milied, Il-Ġimgħa Mqaddsa, Tiġijiet, Il-Magħmudija, It-Tqarbina, Il-Griżma, Għeluq is-snin, eċċ.

The Little Island That Was (Infinity Books) hija serje ta’ kotba għat-tfal miktuba minn Lara Bezzina bl-għan li tqajjem kuxjenza minn età żgħira dwar suġġetti kurrenti permezz ta’ stejjer fittizji.
E: bezzinalara@gmail.com
Facebook: The Little Island that was – Children’s Book Series

Mallia & D’Amato Booksellers, immexxi mill-koppja Roderick u Ritianne, huwa ħanut tal-kotba online kkurat b’għażla ta’ kotba għall-qarrej li jaqra b’għaqal. L-ixkafef tal-kotba tagħna jirrappreżentaw kotba u awturi li nħobbu jew li nixtiequ naqraw. Dan ifisser li fis-selezzjoni metikoluża ta’ titli tagħna għandek issib klassiċi mil-letteratura dinjija sa kotba fittizji u poeżija mill-aktar kontemporanji. Għandna selezzjoni tajba ta’ kotba mhux fittizji u esejs kif ukoll kotba dwar l-arti, ix-xjenza u l-filosofija, bl-Ingliż, bit-Taljan u bil-Malti. Sa minn meta twaqqaf fl-2018 minn Roderick Mallia u Kristian D’Amato, l-għan minn dejjem kien li nipprovdu l-vuċijiet l-aktar riċenti u prominenti tal-letteratura kontemporanja lill-ħabbieb tal-kotba lokali.

Malta Libraries hija l-entità responsabbli għall-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta, il-Librerija Nazzjonali (Għawdex), il-Librerija Ċentrali Pubblika, il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex, il-Libreriji Pubbliċi Reġjonali u Lokali f’Malta u Għawdex u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Bibljografija. Bħala entità, Malta Libraries ġiet imwaqqfa bl-Att Dwar il-Libreriji Maltin (Att VII tal-2011), flok dak li qabel kien id-Dipartiment tal-Libreriji.

Martin Baron huwa kittieb awtoppubblikat speċjalizzat f’kotba fittizji ispirati mit-Testment il-Ġdid. Ir-rumanz Yeshuah Meshiah jkompli wara l-ewwel rumanz tiegħu Yosef and Maryam, li ġie ppubblikat għaxar snin ilu fl-2013. Dawn ikopru l-ewwel erba’ Vanġeli.

Meli Bookshop għandu żewġ ħwienet li t-tnejn jinsabu fil-belt kapitali, il-Belt Valletta. L-ewwel ħanut infetaħ fl-1965 u wara xi żmien, infetaħ ieħor. Wieħed mill-ħwienet jinsab fi 52, Triq Santa Luċija fejn wieħed jista’ jsib l-aħħar assortimenti ta’ kotba Melitensia, rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż. Il-ħanut jipprovdi wkoll kotba għat-tfal u kotba tat-tisjir. Il-ħanut l-ieħor jinsab fi Triq il-Forn il-Qadim, bin-numru 185. F’dan il-ħanut wieħed jista’ jfittex varjetà kbira ta’ letteratura klassika kemm ta’ proża kif ukoll ta’ poeżija bi prezzijiet imra]ħsa. Hemm ukoll ħafna rumanzi bl-Ingliż, kotba tal-fantaxjenza, kotba tal-fantasija, kotba tal-orrur, kotba tal-qtil u ħafna aktar! Wieħed jista’ jsib kotba tat-tisjir u kotba ġenerali oħra hawn ukoll. Kotba tal-ivvjaġġar jinsabu wkoll f’dan il-ħanut tal-kotba. Għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena, il-ħanut tal-kotba Mli se jkun qed ikollu kampjun ġdid ta’ kotba bl-Ingliż li tista’ ssibhom fil-ħwienet tagħhom!!

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa se jkun qiegħed ibigħ prinċipalment kotba mill-Ħannieqa Kulturali ppubblikati mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u miktuba minn diversi awturi, l-aktar relatati mal-wirt, l-istil ta’ ħajja u l-istorja tar-raħal tal-Mellieħa

Merlin Library ilu jissupplixxi kotba lill-iskejjel primarji, sekondarji u postsekondarji mill-1978. Wieħed mill-ħwienet li għandna u li jinsab Blata l-Bajda huwa l-uniku ħanut ġo Malta li jġib il-kotba tal-iskola tul is-sena kollha. Issibilna wkoll għażla wiesgħa ta’ materjal għar-reviżjoni għal ħafna mis-suġġetti. Nispeċjalizzaw f’kotba għat-tfal u kontinwament inġibu eluf ta’ kotba għal tfal ta’ bejn it-3 xhur sal-adolexxenti. Għandna selezzjoni kbira ta’ kotba fittizji u mhux fittizji u oħrajn ta’ interess ġenerali għall-adulti. Spiss ikollna wkoll offerti speċjali għal tfal li huma membri fil-Wizzies Club. Merlin Library kien l-ewwel li introduċa lill-awturi tal-kotba tat–tfal ġewwa Malta fejn dawn daru l-iskejjel jitkellmu mat-tfal u jissapportjaw lill-iskejjel fuq kemm huwa importanti l-qari għall-istudenti. Fl-2003, Lynne Reid Banks kienet l-ewwel awtriċi li ġiet Malta u wara din kien hemm ħafna oħrajn.

Midsea Books Ltd. u Klabb Kotba Matin huma meqjusa fost il-pubblikaturi ewlenin f’Malta. Id-dar tal-pubblikazzjoni twaqqfet minn Pawlu Mizzi fl-1969. Fl-2021 KKM iċċelebra l-50 anniversarju mill-pubblikazzjoni tal-ewwel ktieb Il-Gaġġa fl-1971. Midsea Books u s-sussidjarji tagħha Klabb Kotba Maltin u Heritage Books jippubblikaw ġeneri differenti ta’ kotba, minn dawk għat-tfal, rumanzi u novelli, sa storja u kotba tal-arti dwar Malta. Bosta mill-kotba ppubblikati huma rebbieħa ta’ premjijiet jew ġew imsemmija fi premjijiet letterarji kemm Malta kif ukoll barra.

Il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur jistinka biex jippromwovi l-interessi tal-għaqdiet volontarji, il-persuni b’diżabilitajiet, u d-drittijiet tal-konsumatur f’Malta.

L-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta hija entità governattiva stabbilita b’liġi bl-għan li tippreserva l-memorja kollettiva tan-nazzjon permezz tal-protezzjoni u l-aċċessibbiltà tal-arkivji regolati mill-Att dwar l-Arkivji. L-Arkivji Nazzjonali għandhom waħda mill-akbar kollezzjonijiet ta’ arkivji f’Malta, mis-sena 1530 sal-ġurnata tal-lum. L-irwolijiet prinċipali tal-Arkivji Nazzjonali jinkludu l-għażla, il-preservazzjonin u l-aċċess għall-arkivji, l-akkwist ta’ rekords privati ta’ sinjifikat nazzjonali, u t-taħriġ professjonali tal-arkivisti u l-maniġers tar-rekords. Barra milli jippubblikaw il-kotba tagħhom, l-Arkivji Nazzjonali jissapportjaw kittieba fir-riċerka tagħhom.

Pandora Bargain Books toffri firxa kbira ta’ kotba bl-Ingliż u bil-Malti bi prezzijiet imnaqqsa kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal. Barra minn hekk, taħt l-isem Pandora Publications, jiġu ippubblikati kotba bil-Malti, bi prezz li huwa aċċessibbli għal kull familja f’Malta.

Ricky Caruana huwa ġdid fid-dinja tal-kitba iżda anzjan fid-dinja tal-ħsieb. Strings of Fate u Resonance: A Glimpse of Infinity huma żewġ pubblikazzjonijiet li bihom qiegħed jipprova jfisser il-ħsieb tiegħu fil-kelma. L-interessi tiegħu u l-qalba tal-kotba tiegħu huma mmotivati mill-għatx tiegħu li jindirizza l-mistoqsijiet fundamentali dwar il-ħajja u postna fl-univers. B’mod sinifikanti, ix-xogħol ta’ Caruana jħeġġeġ lill-qarrej biex jistaqsi dwar, u jisfida, dak li nieħdu bħala fatt, billi jgħaqqad il-filosofiku mal-personali, u x-xjentifiku mal-ispekulattiv. Bħalissa qed jaħdem fuq monografija oħra, din id-darba dwar is-suġġett tal-mewt u l-ħajja ta’ wara.

Il-missjoni tagħna hi li niżguraw li kull persuna li potenzjalment tista’ tibbenifika mill-għajnuna ta’ klieb tas-servizz ma titħallhiex mingħajru.

SKS hija dar tal-pubblikazzjoni bbażata f’Malta li tispeċjalizza prinċipalment fil-ġeneri tal-istorja, letteratura, teorija politika, kultura, u bijografija. SKS tirsisti biex tinforma u teduka lill-pubbliku ġenerali billi tippubblika kotba ta’ kwalità għolja bbażati fuq fehim liberali tal-ħajja, l-istorja u l-letteratura, biex tipprovdi kittieba u riċerkaturi ta’ konvinzjoni simili l-opportunità li jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom, u biex jikkontribwixxu lejn l-arrikkiment soċjali, kulturali, intellettwali u nazzjonali.

Kotba dwar l-Ekonomija u l-Filosofija Politika, anke għat-tfal.

Wirt iż-Żejtun hija organizzazzjoni lokali mhux governattiva (NGO) li taħdem fis-settur tal-wirt. Twaqqfet fuq inizjattiva ta’ grupp ta’ nies, l-aktar ġejjin miż-Żejtun, permezz ta’ riżoluzzjoni approvata waqt laqgħa formali li saret fit-3 ta’ Ottubru 2010. Il-viżjoni tagħna hija li fl-iqsar żmien possibbli nimmotivaw lin-nies taż-Żejtun biex jifhmu bżonn li napprezzaw, nirrispettaw u nieħdu ħsieb il-wirt naturali, kulturali, ambjentali, storiku, etnografiku u arkeoloġiku taż-Żejtun u n-nies tagħha.

Wikimedia Community Malta (WCM) huwa grupp ta’ nies li jużaw il-wiki f’Malta. L-għan ta’ dan il-grupp huwa li jinkoraġġixxi aktar attività madwar ħidma fuq xi wiki jew ieħor, permezz ta’ diversi attivitajiet, proġetti, kollaborazzjonijiet, taħriġ u xogħol simili. Nagħtu attenzjoni speċjali lill-Wikipedija, il-Wikipedia bil-Malti, u Wikidata, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-Malti u informazzjoni ta’ kwalunkwe tip dwar Malta. WCM huwa affiljat mal-Fondazzjoni Wikimedia.

Wise Owl għandha diversi pubblikazzjonijiet li rċevew tifħir, b’repertorju ta’ iktar minn 400 ktieb fuq varjetà ta’ suġġetti. Dawn jinkludu kollezzjoni kbira ta’ kotba kkuluriti għal tfal ta’ kull età rinomati għall-Malti eċċezzjonali u l-istampi affaxxinanti; kotba dwar l-istorja Maltija, il-kultura u l-folklor, l-istorja naturali, rumanzi, is-saħħa, kotba tar-riċetti u kotba tat-taħriġ.