L-esebituri tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024
Dawn huma l-esebituri li qed jipparteċipaw fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 bil-ħwienet tal-kotba tagħhom. Segwi l-ħoloq għas-siti tagħhom sabiex tixtri l-kotba, tiskopri titli ġodda u tibbenefika mill-offerti li jistgħu ikunu qed joffru matul il-Festival.
Dis-sena l-ispazju mittieħed mill-esebituri għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-akbar li qatt kien hemm fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konferenzi, l-MFCC, Ta’ Qali.
B’aktar minn 40 esebitur fl-edizzjoni ta’ dis-sena f’Novembru li ġej, se jkun hemm rekord ta’ 1,800 metru kwadru bl-istands, żieda fuq l-1,668 metru kwadru tas-sena l-oħra, u fuq l-1,200 metru kwadru tal-2022.
L-esebituri tal-Festival ħejjew attivitajiet għaż-żgħar u l-kbar mifruxin fuq il-ħamest ijiem tal-Festival. Il-programm tal-Festival jitħabbar fix-xhur li ġejjin.
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, hija responsabbli għall-promozzjoni u t-titjib tal-litteriżmu qalb it-tfal minn etajiet bikrin sa tmiem l-età uffiċjali tal-iskola madwar il-Gżejjer Maltin.
Agenda Bookshop huwa wieħed mill-aktar bejjiegħa tal-kotba u tal-fuljetti importanti f’Malta. Il-ħwienet tal-Agenda jinsabu f’postijiet ċentrali u ewlenin f’Malta, fosthom l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u stabbilmenti ewlenin tax-xiri. Għand Agenda Bookshop issib l-aqwa u l-aħħar kotba li kienu suċċess madwar id-dinja, kif ukoll għażla wiesgħa ta’ titli ġodda kuljum. L-għażla ta’ kotba għand Agenda tħabbatha ma’ dik li joffru ħwienet tal-kotba ewlenin fir-Renju Unit.
Il-Komunità Musulmana Ahmadiyya hija organizzazzjoni reliġjuża u umanitarja. Tinkoraġġixxi djalogu bejn reliġjonijiet differenti u temmen fil-libertà tar-reliġjon. Din il-Komunità tħaddan il-prinċipji tal-paċi, it-tolleranza, l-imħabba u r-rispett bejn segwaċi ta’ twemmin differenti. Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana tippromwovi l-edukazzjoni, l-għarfien u l-qari tal-kotba, u għal dan l-għan il-Komunità tippubblika kotba bil-Malti. Il-motto tagħha huwa: “Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd”. Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana hija magħrufa wkoll għas-sehem attiv tagħha fl-għajnuna soċjali lil dawk fil-bżonn, u tinvolvi ruħha f’ħidma karitatevoli u filantropika.
Il-Kunsill Malti għall-Arti huwa l-aġenzija nazzjonali għall-iżvilupp u l-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi. Il-Kunsill jamministra portafoll ta’ finanzjament għas-setturi kulturali u kreattivi permezz tal-programmi ta’ finanzjament nazzjonali tiegħu. Il-missjoni tiegħu hija mmexxija mill-impenn tagħna favur id-drittijiet kulturali u l-investiment fl-arti sabiex insaħħu l-ekoloġija kreattiva u kulturali ta’ Malta.
Il-Beżżul Bieżel hija gazzetta komika u satirika Maltija. Tinkludi komiks satiriċi u parodiċi, kif ukoll artikli fuq aħbarijiet kurrenti kemm lokali kif ukoll barranin, relazzjonijiet internazzjonali, inġustizzji soċjali, kummentarju soċjali u politika sottili, fost ħafna oħrajn. Ta’ min jgħid li din mhijiex gazzetta politika u ma taqa’ taħt l-ebda partit politiku xellugi jew lemini. Madankollu, figuri magħrufa mill-isfera politika Maltija spiss jgħaddu mill-għarbiel newtrali tagħha.
BDL Distribution ilhom imwaqqfin mill-1990, u f’daż-żmien saru d-distributur ewlieni ta’ pubblikazzjonijiet fil-ħwienet tal-kotba u ħwienet oħra f’Malta u Għawdex. BDL Publishing, it-tieni pilastru tal-kumpanija, tispeċjalizza f’kotba ta’ kwalità li jvarjaw minn letteratura fittizja għat-tfal għal kotba prestiġjużi tal-Melitensia. It-tielet pilastru tal-kumpanija huwa BDL Retail. Il-ħanut ta’ San Ġwann jinkludi ġabra estensiva tal-aqwa kotba fejn wieħed jista’ jfittex u jixtri direttament minn għażla ta’ ’l fuq minn 20,000 titlu.
Bookends huwa ħanut il-Fgura li joffri kotba ġodda bi prezzijiet ferm iktar baxxi mill-prezzijiet oriġinali tagħhom. Għandek issib għażla kbira ta’ kotba fuq suġġetti differenti. Fis-suq lokali Bookends kiseb reputazzjoni qawwija, kemm għall-kwalità tal-kotba, kif ukoll għall-prezzijiet irħas ħafna.
Id-dar tal-pubblikazzjoni Bonfirraro ilha indipendenti mill-1986, u rnexxielha mill-ewwel tiddistingwi ruħha bis-saħħa ta’ produzzjoni ta’ kotba fittizji ta’ kwalità, kif ukoll għall-enfasi tagħha fuq veritajiet storiċi mħabbra għall-ewwel darba, u sensiela ta’ esejs u investigazzjonijiet dwar suġġetti ta’ impatt soċjali kbir. L-orjentazzjoni ta’ din id-dar tal-pubblikazzjoni, li xxaqleb lejn tip ta’ letteratura “impenjattiva”, tiddetermina l-pubblikazzjonijiet kuraġġjużi li joħduha qatta’ bla ħabel kontra kull tip ta’ inġustizzja, bl-għan li jikontribwixxu lejn il-ġlieda għall-affermazzjoni tal-libertà, valur li ma tistax taħarbu. B’serjetà, bi spirtu ta’ sagrifiċċju u f’konformità mal-prinċipju “L-istorja tagħna hija l-futur ’il fejn interrqu…,” Bonfirraro tħobb tħares fit-tul, u tosserva dak li hu lil hinn, “’il barra mill-fruntiera,” biex tisfida lilha nnifisha u tirbaħ l-isfidi li għall-ewwel jaf jidhru impossibbli.
Iċ-Ċentru Kulturali Ċiniż twaqqaf f’Malta bis-saħħa ta’ memorandum ta’ ftehim bejn il-gvernijiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u r-Repubblika ta’ Malta, iffirmat fl-2001. Iċ-Ċentru huwa organizzazzjoni kulturali li ma tagħmilx qligħ, u tippromwovi t-tagħrif u l-apprezzament tal-kultura u l-arti Ċiniża permezz ta’ attivitajiet kulturali, edukattivi u soċjali. Permezz tal-programmi tiegħu, iċ-Ċentru jixtieq isaħħaħ ir-relazzjonijiet kordjali u kooperattivi bejn iż-żewġ popli. Biex jilħaq dan l-għan, iċ-Ċentru jixtieq joffri servizz ta’ kwalità lill-pubbliku Malti, kif ukoll jibni sħubija mill-qrib mas-setturi pubbliċi u privati.
Delicon Books hija dar tal-pubblikazzjoni żgħira li twaqqfet fl-2021. L-għan tagħha hu li tippromwovi l-wirt u t-tradizzjonijiet ta’ Malta permezz tal-pubblikazzjonijiet tagħha, u li tgħin lil awturi ġodda sabiex iwettqu l-ħolma tagħhom li jistampaw ix-xogħol tagħhom billi joffru pariri u sapport.
L-Ambaxxata ta’ Spanja se tippreżenta l-programm kulturali tagħha, kif ukoll se tgħarraf lill-pubbliku dwar l-eżamijiet tad-DELE għal studenti tal-Ispanjol.
Faraxa Publishing twaqqfet fl-2011 bil-għan li tippubblika traduzzjonijiet letterarji u mhux għal-lingwa Maltija minn awturi rinomati fid-dinja, kif ukoll ta’ dawk inqas magħrufa. Is-Sensiela Traduzzjonijiet Faraxa llum il-ġurnata ddomm numru sabiħ ta’ xogħlijiet klassiċi Ewropej maqlubin għall-Malti. Faraxa ppubblikat kotba ta’ ġeneri differenti, minn xogħlijiet akkademiċi, mużika klassika, poeżija, filosofija, kotba għaż-żgħażagħ, kif ukoll xogħlijiet ta’ fantasija u letteratura għat-tfal.
Fondazzjoni Sagħtar hija għaqda volontorja independenti u awtonoma bla ebda affiljazzjoni politika, li l-għan ewlieni tagħha hu li sservi fis-soċjal u l-edukattiv qalb l-edukaturi u l-istudenti f’Malta u Għawdex. L-iskopijiet prinċipali tal-Għaqda huma: li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-irwol professjonali tal-edukaturi u l-avvanz tal-istudenti; li tipprovdi opportunitajiet għat-titjib professjonali tal-edukaturi; li tniedi proġetti u torganizza attivitajiet bl-għan li jipprovdu taħriġ professjonali lill-edukaturi u jwittu t-triq għall-istudent; li toħloq u tippubblika materjal edukattiv.
L-Ambaxxata Franċiża, l-Alliance Française u l-Lireka (ħanut tal-kotba Franċiż online) joffru firxa wiesgħa ta’ kotba ġodda jew użati bil-Franċiż bi prezzijiet imraħħsa.
Il‐German‐Maltese Circle hija organizzazzjoni volontarja li twaqqfet fit‐18 ta’ Ottubru 1962. L‐għan tagħha huwa li “tippromwovi fehim b’saħħtu bejn il‐Ġermanja u Malta fl-oqsma relevanti ta’ attività u relazzjonijiet, ħlief l-attivitajiet ta’ natura politika”. Għaldaqstant l‐Għaqda ilha mit‐twaqqif tagħha torganizza attivitajiet kulturali u korsijiet tal-Ġermaniz kemm għat‐tfal u kemm għall‐adulti. // Id‐Dipartiment tal‐Ġermaniż huwa parti mill‐Fakultà tal‐Arti fl‐Università ta’ Malta. Id‐Dipartiment joffri l‐opportunità li l‐istudenti jistudjaw il‐Ġermaniż f’firxa ta’ korsijiet: korsijiet full‐time fl-ewwel grad u dawk suċċessivi (BA Unuri bil‐Ġermaniż, BA Ġenerali bil‐Ġermaniż, MA u PhD bil‐Ġermaniż), korsijiet tal‐lingwa part‐time għal‐livelli kollha tal‐lingwa (Ċertifikat/Diploma fil‐Profiċjenza tal‐Lingwa), u korsijiet part‐time filgħaxija għall‐pubbliku ġenerali (Ċertifikat/Diploma bil‐Ġermaniż).
L-Għaqda tal-Malti – Università, imwaqqfa minn Rużar Briffa u Ġużè Bonnici fl-1931, hi għaqda studenteska bl-għan li tippromwovi l-Malti u l-oqsma kollha marbuta miegħu mal-istudenti u lil hinn. L-għanijiet tal-Għaqda huma li: taħdem għall-għarfien sħiħ tal-ilsien Malti fl-oqsma kollha tal-ħajja u tal-kultura Maltija; tqanqal interess u studji fil-lingwa u fil-letteratura Maltija, kemm fost l-istudenti tal-Università u ta’ istituzzjonijiet edukattivi oħra, kif ukoll qalb il-pubbliku ġenerali u l-awtoritajiet; tħaddem u tħarreġ kompetenzi u mezzi relevanti għall-oqsma letterarji u lingwistiċi tal-Malti; tfakkar awturi Maltin, jew oħrajn li kitbu dwar il-Malti jew bil-Malti; tgħin lill-istudenti biex itejbu l-ħiliet fil-kitba u jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom fil-pubblikazzjonijiet tal-Għaqda.
Heritage Malta hija l-aġenzija nazzjonali tal-mużewijiet, il-konservazzjoni u l-patrimonju kulturali. Hija attiva ferm fil-kamp tal-pubblikazzjoni bħala parti mill-isforzi tagħha b’risq id-demokratizzazzjoni tal-patrimonju. Il-firxa ta’ xogħlijiet ippubblikati tinkludi katalgi tal-wirjiet, ġabriet ta’ studji, kotba għat-tfal, kotba marbuta ma’ proġetti ta’ konservazzjoni u riġenerazzjoni, u gwidi. Fil-ħarifa tal-2015, Heritage Malta nediet ukoll perjodiku bl-isem Tesserae.
Horizons hija waħda mid-djar tal-pubblikazzjoni ewlenin f’Malta, rebbieħa ta’ bosta premji letterarji fil-kategoriji differenti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Hija ppubblikat awturi magħrufin u stabbiliti, kif ukoll introduċiet awturi emerġenti. Bħala dar tal-pubblikazzjoni, Horizons tagħti ħafna importanza lir-relazzjoni tagħha mal-awturi u tinvolvihom f’kull pass tal-pubblikazzjoni. Għall-Horizons, kull dettall huwa importanti: mill-editjar għall-qari tal-provi, mill-għażla tat-tipa sad-disinn tal-qoxra. Miġbura flimkien, dawn il-fatturi kollha llum jiddistingwu lill-Horizons minn djar tal-pubblikazzjoni oħra.
Jekk l-arti tieqa, mela dal-fuljett tagħna jista’ jitqies bħala linja diretta għal bniedem ieħor, anki jekk ikun baħar ’il bogħod. Is-sabiħ tal-Moviment Artistiku Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (IHRAM) huwa li m’aħniex biss xi suldat ieħor fit-taqtiegħa favur l-ugwaljanza fid-dinja; inservu wkoll bħala spazju ta’ sliem fejn ir-rabtiet umani u r-riflessjoni joktru. Nistinkaw għal dinja fejn l-attiviżmu artistiku jkun imweġġaħ bħala jedd uman u għajn ta’ bidliet soċjali. L-IHRAM Press inħolqot b’għan sempliċi: li tiċċelebra u twieżen persuni artistiċi mid-dinja kollha fil-bidu ta’ triqithom; bl-identità tagħhom kull awtur jew artist tagħna jħallu marka madwarhom, u jitkellmu dwar il-perspettivi uniċi tagħhom fuq kwistjonijiet ta’ drittijiet umani. Inqarrbu membri differenti mis-soċjetà bis-saħħa tal-antoloġiji u l-fuljetti letterarji tagħna, minn awturi fl-eżilju jew fir-riskju tiegħu; sa attivisti li jmissu mal-periklu li ġġib magħha l-ġlieda għad-drittijiet u l-ġustizzja f’pajjiżhom; nies kreattivi b’għodda differenti; politiċi nazzjonali u internazzjonali, aġenżiji tal-gvern, mexxejja soċjali u ċelebritajiet.
Inanna Publishers hija dar tal-pubblikazzjoni li tipproduċi kotba dwar l-antropoloġija kulturali, speċjalment dwar il-ħajja tradizzjonali u l-istorja sinjifikanti tal-mara. Tippubblika wkoll kotba dwar il-Preistorja kbira ta’ Malta, speċjalment l-era Neolitika, b’enfasi fuq l-Ewwel Maltin (5800-4400 QK) u l-Perjodu tat-Tempji (3600-2400 QK).
L-Inspire tistinka lejn it-trasparenza, il-kontabbiltà u l-innovazzjoni. Il-governanza tagħna tassigura integrità f’kull deċiżjoni li nieħdu, u l-immaniġġjar tal-finanzi jimmassimizza l-impatt tagħna. B’saħħet it-tim dedikat tagħna u s-sapporters ġenerużi, ftit ftit qed noħolqu dinja fejn individwi b’abbiltajiet differenti jkunu jistgħu jilħqu l-milja tagħhom.
L-Istitut Kulturali Taljan fil-Belt Valletta, li jservi bħala l-Uffiċju Kulturali tal-Ambaxxata Taljana f’Malta, huwa entità tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali. Il-missjoni tal-Istitut hija li tippromwovi l-kultura Taljana lil hinn mill-Italja.
JENS C. BÜDINGER huwa l-kittieb awtopubblikat ta’ The Chronicles of Lilith, serje metafiżika, oskura u fantaxjentifika li tlaqqa’ lil The Lord of the Rings u Game of Thrones ma’ Inception f’epika narrattiva mimlija azzjoni. L-ewwel żewġ kotba, The Queen of Shards u The Darkness Within, ġew ippubblikati fl-2022 u 2023 rispettivament.
Il-kreattività, l-innovazzjoni, il-kwalità għolja u l-interess lejn il-qarreja huma fost l-aktar kunsiderazzjonijiet importanti għal Kite Group. Permezz ta’ kull ktieb, Kite Group jimmira li joħloq esperjenza li tagħti gost lill-qarrejja. Dan jgħodd kemm għal min ifittex il-viżiv u anki għal min ifittex il-qari. Fost il-kotba li ġew ippubblikati minn din id-dar tal-pubblikazzjoni, rebbieħa ta’ diversi premjijiet, hemm dawk dwar l-arti, il-kultura, bijografiji, stejjer qosra, kotba t’umoriżmu, fotografija, arkitettura, liġi u l-istorja ta’ pajjiżna. Kite Group joffri servizz lill-qarrejja u lil kull min irid jippubblika ktieb. Tista’ tixtri kotba ppubblikati minn Kite Group fuq www.kitegroup.com.mt u tirċievi skont ta’ 25% jekk iddaħħal il-kupun BOOKS25 fi żmien il-Festival.
Midsea Books Ltd. u Klabb Kotba Maltin huma meqjusa fost il-pubblikaturi ewlenin
f’Malta. Id-dar tal-pubblikazzjoni twaqqfet minn Pawlu Mizzi fl-1969 u Il-Gaġġa kien l-ewwel ktieb li ġie mitbugħ fl-1971. Midsea Books u s-sussidjarji tagħha Klabb Kotba Maltin u Heritage Books jippubblikaw ġeneri differenti ta’ kotba, minn dawk għat-tfal, rumanzi u novelli, sa storja u kotba tal-arti dwar Malta. Bosta mill-kotba ppubblikati huma rebbieħa ta’ premjijiet jew ġew imsemmija fi premjijiet letterarji kemm Malta kif ukoll barra.
Pubblikaturi u produtturi ta’ kotba artiġjanali u prodotti tal-karta maħduma bl-idejn. L-istorja ta’ Kotba Calleja tibda mill-imħabba għall-karta bħala materjal umli, uniku u versatili. Hija passjoni li tissarraf fi prodotti ta’ kwalità maħduma mill-bidu sal-aħħar f’Malta. Kull parti tal-proċess – kull tinja, kull qtugħ, kull pont ħjata, kull inkollatura – issir bl-idejn, bir-reqqa u bil-paċenzja. Għalhekk uniċi. Kotba Calleja tippubblika letteratura li ma tibżax tesperimenta, li tgħarrex fl-idjoma, fil-vokabularji, fis-sintassi għal xbihat li jagħtu identità ġdida lill-poeżija u r-rumanz Malti. Din id-dar ta’ pubblikazzjoni tirrapreżenta kemm kittieba stabbiliti kif ukoll poeti u rumanziera ġodda.
Malta Libraries hija l-entità responsabbli għall-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta, il-Librerija Nazzjonali (Għawdex), il-Librerija Ċentrali Pubblika, il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex, il-Libreriji Pubbliċi Reġjonali u Lokali f’Malta u Għawdex u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Bibljografija. Bħala entità, Malta Libraries twaqqfet bl-Att Dwar il-Libreriji Maltin (Att VII tal-2011), flok dak li qabel kien id-Dipartiment tal-Libreriji.
Wikimedia Community Malta (WCM) huwa grupp ta’ nies li jużaw il-wiki f’Malta. L-għan ta’ dan il-grupp huwa li jinkoraġġixxi aktar attività madwar ħidma fuq xi wiki jew ieħor, permezz ta’ diversi attivitajiet, proġetti, kollaborazzjonijiet, taħriġ u xogħol simili. Nagħtu attenzjoni speċjali lill-Wikipedija, il-Wikipedija bil-Malti, u Wikidata, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-Malti u informazzjoni ta’ kwalunkwe tip dwar Malta. WCM huwa affiljat mal-Kumitat tal-Affiljazzjonijiet tal-Fondazzjoni Wikimedia.
Ħanut tal-kotba virtwali mwaqqaf mis-Sur Patrick Anastasi aktar minn 25 sena ilu, li jispeċjalizza fil-Melitensia, f’kotba rari u antiki mitbugħa f’Malta jew minn awturi Maltin.
Mindu bdiet fl-1995, il-Malta University Distributors kienet parti integrali fil-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet skulari u journals ta’ riċerka fl-oqsma tal-istudji kollha fl-Università ta’ Malta. Il-pubblikazzjonijiet tagħna jweġġħu l-wirt kulturali għani ta’ Malta, u jinkludu kotba tal-iskejjel għall-eżamijiet tal-matrikola u għall-korsijiet universitarji. Kburin bil-kotba ta’ kwalità għolja li nipproduċu – mirfudin minn dedikazzjoni għall-avvanz tal-għarfien u l-edukazzjoni – li huma ta’ servizz kemm għall-komunità akkademika u anki għall-pubbliku ġenerali.
Is-Soċjetà Maltija għal Ċivilizzazzjoni Kristjana hija għaqda ċivika u kulturali b’ispirazzjoni Kattolika. Tippromwovi u tiddefendi t-tliet pilastri taċ-Ċivilizzazzjoni Kristjana, li huma t-Tradizzjoni, il-Familja u l-Proprjetà Privata. Din is-soċjetà torganizza konferenzi, tnedijiet ta’ kotba u attivitajiet ċiviċi/kulturali oħra għall-pubbliku biex tiddefendi l-valuri tċ-ċivilizzazzjoni Kristjana.
Meli Bookshop għandu żewġ ħwienet li t-tnejn jinsabu fil-belt kapitali, il-Belt Valletta. L-ewwel ħanut infetaħ fl-1965 u wara xi żmien, infetaħ ieħor. Wieħed mill-ħwienet jinsab fi 52, Triq Santa Luċija fejn wieħed jista’ jsib l-aħħar taħlita ta’ kotba Melitensia u rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż. Il-ħanut jipprovdi wkoll kotba għat-tfal u kotba tat-tisjir. Il-ħanut l-ieħor jinsab fi Triq il-Forn il-Qadim, bin-numru 185. F’dan il-ħanut wieħed jista’ jfittex f’varjetà kbira ta’ letteratura klassika kemm ta’ proża kif ukoll ta’ poeżija bi prezzijiet imraħħsa. Hemm ukoll ħafna rumanzi bl-Ingliż, kotba tal-fantaxjenza, kotba tal-fantasija, kotba tal-orrur, kotba tal-qtil u ħafna aktar! Wieħed jista’ jsib kotba tat-tisjir, tal-ivvjaġġar u kotba ġenerali oħra hawn ukoll. Għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena, il-ħanut tal-kotba Meli se jkollu kampjun ġdid ta’ kotba bl-Ingliż li tista’ ssibhom fil-ħwienet tagħhom!
Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jgħin awturi lokali biex jippubblikaw il-kotba tagħhom bħala parti mis-serje tiegħu ‘Ħannieqa Kotba Melleħin’. Dawn huma ppubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż u taħt ġeneri differenti, fosthom letteratura fittizja, mhux fittizja u poeżiji. Il-kunsill huwa kommess biex jgħin awturi mil-lokalità biex jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom u jagħmluhom aktar aċċessibli għall-pubbliku ġenerali.
Merlin Library ilu jissupplixxi kotba lill-iskejjel primarji, sekondarji u postsekondarji mill-1978. Wieħed mill-ħwienet li għandna u li jinsab Blata l-Bajda huwa l-uniku ħanut ġo Malta li jġib il-kotba tal-iskola tul is-sena kollha. Issibilna wkoll għażla wiesgħa ta’ materjal għar-reviżjoni għal ħafna mis-suġġetti. Nispeċjalizzaw f’kotba għat-tfal u kontinwament inġibu eluf ta’ kotba għal tfal ta’ bejn it-3 xhur sal-età żagħżugħa. Għandna selezzjoni kbira ta’ kotba fittizji u mhux fittizji u oħrajn ta’ interess ġenerali għall-adulti. Spiss ikollna wkoll offerti speċjali għal tfal li huma membri fil-Wizzies Club. Merlin Library kien l-ewwel li introduċa lill-awturi tal-kotba tat-tfal fl-iskejjel Maltin, b’dawn l-awturi jitkellmu mal-istudenti u jħeġġuhom jaqraw aktar. Fl-2003, Lynne Reid Banks kienet l-ewwel awtriċi li Merlin Library ġab Malta, u wara din kien hemm ħafna oħrajn.
Merlin Publishers twaqqfet fl-1964, u minn dakinhar kbirna u sirna l-aktar pubblikatur innovattiv u eċitanti f’Malta. Il-Merlin kburin bil-lista ta’ kotba ppubblikati minna, mogħnija minn awturi ewlenin u oħrajn li aħna stess qed inrawmu fit-triq tal-pubblikazzjoni bis-saħħa ta’ stili u espressjonijiet innovattivi. Bħala rebbieħa tal-Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb bl-Isbaħ Dehra għal diversi drabi, Merlin Publishers jinsab fuq quddiem nett għall-kwalità tal-produzzjoni, id-disinn, id-dehra finali tal-ktieb, u l-marketing. Il-kotba tal-Merlin dehru fil-fieri tal-kotba fi Frankfurt, Londra u Bolonja.
Pandora Bargain Books toffri varjetà kbira ta’ kotba bil-Malti u bl-Ingliż bi prezzijiet imnaqqsa kemm għall-adulti, kif ukoll għat-tfal. Barra minn hekk, taħt l-isem Pandora Publications, jiġu ppubblikati kotba bil-Malti bi prezz li huwa aċċessibbli għal kull familja f’Malta.
Fl-1975 is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija magħrufa bħala M.U.S.E.U.M. żviluppat ħanut tal-kotba, illum stabbilit sewwa, bl-isem tal-fundatur tagħha, Librerija Preca. Il-ħanut jispeċjalizza fil-bejgħ ta’ letteratura reliġjuża u riżorsi multimedjali oħra minn bosta mid-djar tal-pubblikazzjoni ewlenin fl-Ewropa, l-Asja u l-Amerika ta’ Fuq. F’Novembru 1997 il-ħanut tal-kotba mexa għal żona aktar spazjuża u ddisinjata speċifikament għalih fid-Dar Ċentrali tas-Soċjetà fi Blata l-Bajda, li toffri aċċess aħjar għall-pubbliku ġenerali. Minbarra l-varjetà kbira ta’ kotba spiritwali, Librerija Preca toffri varjetà kbira ta’ tifkiriet Nisranin għall-okkażjonijiet kollha: Il-Milied, Il-Ġimgħa Mqaddsa, Tiġijiet, il-Magħmudija, it-Tqarbina, il-Griżma, Jum it-Twelid, eċċ.
l-missjoni tagħna hi li niżguraw li kull persuna li potenzjalment tista’ tibbenifika mill-għajnuna ta’ klieb tas-servizz ma titħallhiex mingħajru.
SKS hija dar tal-pubblikazzjoni bbażata f’Malta li tispeċjalizza prinċipalment fil-ġeneri tal-istorja, il-letteratura, it-teorija politika, il-kultura, u l-bijografija. SKS tirsisti biex tinforma u teduka lill-pubbliku ġenerali billi tippubblika kotba ta’ kwalità għolja bbażati fuq fehim liberali tal-ħajja, tal-istorja u tal-letteratura. Tgħin kittieba u riċerkaturi ta’ konvinzjoni simili jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom, u biex jikkontribwixxu lejn l-arrikkiment soċjali, kulturali, intellettwali u nazzjonali.
L-Università ta’ Malta, irrappreżentata minn THINK Magazine, UM Library u Malta University Press, qed tagħmel id-debutt tagħha fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Magħquda fl-ispirtu tal-esplorazzjoni, il-missjoni kollettiva tagħna hija li nesebixxu l-għarfien u l-innovazzjoni tal-akkademiċi u l-istudenti tal-Università. Ir-rivista tar-riċerka uffiċċjali tagħna, THINK, qed tippromwovi dan l-għan billi taqsam riċerka kurrenti mill-Università fil-pubblikazzjonijiet tagħha. Dis-sena, il-Librerija tal-Università qed tfakkar l-għaxar sena mill-aċċess miftuħ għar-riċerka (OAR) biex tagħti aċċess wiesa’ għall-għarfien. Mill-banda l-oħra, l-MUP tipproduċi u tiddistribwixxi pubblikazzjonijiet akkademiċi li jiġbru fi ħdanhom l-essenza tal-esplorazzjoni, il-kreattività u l-arrikkiment kulturali fil-komunità dinjija tal-letteratura.
Kotba dwar l-Ekonomija u l-Filosofija Politika
Il-prodotti tal-ħalib tal-Benna magħrufin għal kemm huma friski u ta’ kwalità, ġejjin diretti minn baqar lokali. Il-ħalib jinġabar kuljum minn 95 raħħal, u jkun ipproċessat l-M.D.P. bil-magni tagħhom fil-Ħamrun, bl-aħħar teknoloġiji. Il-Benna tassigura li l-ħalib u l-prodotti tagħha jaslu għand il-konsumaturi ta’ kull filgħodu fil-ħin, u dan grazzi għall-120 ħaddiem full-time u mal-40 dsitributur self-employed. Il-kwalità hija għal qalb il-Benna, u dan anki bis-saħħa tal-madwar 6,000 baqra li jipprovdu l-prodott fuq 47% ta’ art li fuqha jikber il-ħaxix li jieklu. Dax-xogħol lokali jwieżen lill-agrikolturi Maltin u jiggarantixxi li kull prodott tal-Benna jkun frisk u bnin daqslikieku għadu jinħaleb. Sa mill-bidu umli tagħha fl-1938, sal-lum li saret il-kumpanija ewlenija tal-prodotti tal-ħalib f’Malta, il-Benna se tibqa’ tonora l-wirt li rawmet u fl-istess ħin tħaddan innovazzjonijiet ġodda, sabiex in-nies li jgħixu f’Malta jibqgħu jsibu l-aħjar prodotti fuq l-ixkaffa ta’ kuljum.