Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-aktar premju letterarju prestiġġjuż li jingħata lil awturi, pubblikaturi u illustraturi għal xogħlijiet ippubblikati lokalment is-sena ta’ qabel.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018 għall-kotba ppubblikati fl-2017 se jiġi ċċelebrat nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru fil-Berġa ta’ Kastilja f’ċerimonja privata. Minn total ta’ 25 finalist f’erba’ kategoriji, tneħħi l-kategoriji tad-drama, in-novelli u t-traduzzjonijiet li fihom l-ebda xogħol ma kien magħżul, ir-rebbieħa f’kull kategorija se jitħabbru u jkunu mistiedna flimkien mal-pubblikatur tal-ktieb rebbieħ biex jieħdu l-premju. Iċ-ċerimonja se sseħħ taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru.

Il-Premju, li l-istorja tiegħu tmur lura għall-1971, jinkludi seba’ kategoriji b’kollox. Jinkludi wkoll premjijiet speċjali ta’ rikonoxximent, bħall-premju prestiġġjuż għal Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kitba u l-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti. Il-Premju Terramaxka, li ċ-ċerimonja tal-premjazzjoni tiegħu ġiet iċċelebrata f’avveniment magħluq f’Dar il-Mediterran nhar it-Tlieta 6 ta’ Novembru, jippremja kotba għal tfal u adulti żgħar, filwaqt li l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa aktar orjentat lejn l-adulti bil-kategoriji ta’ poeżija, drama, traduzzjoni, riċerka bijografika u storjografika, u riċerka ġenerali.

Il-kotba finalisti fil-kategoriji kollha kienu kienu numerużi mhux ħażin din is-sena, b’mod partikolari l-kategorija tar-rumanzi u ż-żewġ kategoriji ta’ riċerka. Il-lista tal-finalisti tal-Premju 2018 ħarġet aktar kmieni din is-sena, f’Awwissu, u membri tal-pubbliku huma mħeġġa biex jaqraw b’attenzjoni din il-lista bħala indikatur ta’ min joqgħod fuqu tal-aħjar letteratura ppubblikata fl-2017. 

Ir-riżultati se jitħabbru minnufih wara ċ-ċerimonja nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru bi stqarrija stampa li tiġi ppubblikata fuq il-websajt u l-FB tal-KNK, kif ukoll fil-gazzetti lokali.

 


    Share Article