Il-Konkors Letterarju – Kitba għaż-Żgħażagħ huwa konkors annwali mtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb flimkien ma’ Aġenzija Żgħażagħ bil-għan li jagħżel u jippremja rumanzi bil-Malti maħsuba għall-adulti żgħażagħ u l-kwistjonijiet varji li dawn jiltaqgħu magħhom f’dan l-istadju partikolari tal-ħajja, mingħajr ma jadottaw pożizzjoni moraliġġanti jew didattika.

Applikazzjonijiet għall-Konkors tal-2017 infetħu u l-awturi kollha interessati huma mistiedna jissottomettu mauskritti oriġinali ta’ bejn 20,000 u 25,000 kelma adattat għal żgħażagħ ta’ bejn it-13 u l-15-il sena. L-applikanti jistgħu jkunu individwi jew gruppi ta’ individwi u l-manuskritti jridu jiġu sottomessi taħt nom de plume. Applikant ikun eliġibbli jekk ikollu 20 sena jew iktar.

Minbarra l-manuskritt, l-applikanti għandhom ukoll jipprovdu formola ta’ applikazzjoni mimlija bil-firma oriġinali tal-awtur, fotokopja tal-karta tal-identità tagħhom u sinopsi tal-istorja ta’ mill-inqas 500 kelma. Tliet kopji kemm tal-manuskritt kif ukoll tas-sinopsi għandhom jiġu sottomessi taħt il-nom de plume magħżul mill-kittieb, flimkien mad-dokumenti l-oħra.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jaħtar tliet evalwaturi sabiex jagħżlu l-manuskritti rebbieħa skont sett ta’ kriterji. Hemm erba’ kriterji b’kollox: l-iżvilupp tal-plott u l-karattri, l-oriġinalità, il-lingwa u l-kwalità. Għall-ewwel kriterju, l-evalwaturi se jħarsu lejn tliet aspetti: denouement – il-moviment tal-azzjoni narrattiva, li se tiġi evalwata fuq bażi ta’ konsistenza u kredibilità – żvilupp tal-karattru u r-ritmu tar-rakkont.

It-tieni kriterju – l-oriġinalità – jikkonċerna l-għażla tat-temi u l-istil letterarju. L-evalwaturi se jħarsu lejn il-motivazzjoni għal dawn l-għażliet u jevalwawhom skond kemm jistgħu iqanqlu interess qalb qarrejja żgħażagħ. L-innovazzjoni kemm fit-temi kif ukoll fl-istil letterarju jiġu ppremjati mill-evalwaturi.

L-użu tal-lingwa, metafori, similitudnijiet u xbihat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pertinenza għall-qarrejja żgħażagħ, huwa s-suġġett tat-tielet kriterju. Id-djalogu se jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ kemm jagħmel sens fil-kuntest tal-istorja u kemm jaqbel mat-tip ta’ diskors li wieħed jistenna mill-karattri tal-istorja.

L-aħħar kriterju jitlob lill-evalwaturi jikkunsidraw l-esperjenza tal-qari nnifisha. B’mod partikolari, kif l-istorja tevita li tadotta ton moraliġġanti jew didattiku. Il-manuskritt magħżul se jkun wieħed li jagħti lill-qarrej esperjenza ta’ qari memorabbli u fl-istess waqt pjaċevoli.

L-applikazzjonijiet flimkien mal-manuskritti u d-dokumenti kollha mitluba għandhom jaslu għand l-Aġenzija Żgħażagħ sa nofsinhar ta ‘nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Settembru 2017 fuq dan l-indirizz:

Aġenzija Żgħażagħ

Konkors Letterarju – Kitba għaż-Żgħażagħ

Umberto Colosso St Joseph High Road

Santa Venera

 


Share Article