Mistiedna mportanti ħafna tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena hi bla dubbju Basma Abd El Aziz, il-kittieba ta’ The Queue, rumanz li ntlaqa’ b’tifħir kbir mill-kritiċi.  Basma tgħix fil-Kajr, fejn twieldet fl-1976 u għandha Master’s degree f’Newropsikjatrija mill-università ta’ Ein Shams. Hija membru taċ-Ċentru El Nadeem għar-Riabilitazzjoni ta’ Vittmi ta’ Vjolenza, kif ukoll membru tal-Assoċjazzjoni ta’ Kittieba Nisa Eġizzjani. Bħala attivista għad-drittijiet tal-bniedem, kitbet ħafna fuq suġġetti relatati ma’ elezzjonijiet ġusti, id-dritt għall-integrita fiżika u s-sigurta, u l-indipendenza ta’ entitajiet pubbliċi edukattivi.

The Queue jħares lejn xenarju ta’ revoluzzjoni falluta f’pajjiż mhux imsemmi, x’imkien fil-Lvant Nofsani. Id-dinamika tal-istorja tintiseġ madwar kju enormi ta’ ċittadini li qed jistennew quddiem entità amministrattiva bla wiċċ, magħrufa bħala ‘Il-Bieb’, sabiex japplikaw għal servizzi bażiċi. L-immaġni tal-‘Bieb’ għandha valur simboliku qawwi ħafna għall-qarrejja Għarab li ser jassoċjawha mal-ewwel ma’ ‘La Porte’, il-bibien storiċi taċ-ċentru amministrattiv tal-palazz Topkapi f’Istanbul li għal iktar minn 4 sekli kien il-bażi prinċipali tal-amministrazzjoni Ottomana  fuq il-popli Għarab u simbolu ta’ amministrazzjoni bla wiċċ, imbegħda.

Ir-rumanz jagħti iktar minn lemħa lill-klassiċi ta’ letteratura distopjana bħal The Trial ta’ Franz Kafka jew Blindness ta’ Jose Saramago u huwa rappreżentattiv ħafna tal-moviment ġdid ta’ kittieba mill-Lvant Nofsani li qed jippruvaw jagħmlu sens mill-vojt soċjali u politiku, mill-kaos u d-diżappunti li ħallew warajhom ir-revoluzzjonijiet tal-2011, magħrufa bħala l-‘Arab Uprisings.’

Basma ser tieħu sehem f’żewġ attivitajiet fil-festival – hi fost il-kelliema fil-konferenza ‘Literature and Totalitarianism’, li ser jiftaħ il-festival nhar L-Erbgħa 9 ta’ Novembru u l-għada, il-Ħamis 10 ta’ Novembru, ser ikollha attività ddedikata lilha, fejn ser titkellem mal-kittieb Malti-Palestinjan Walid Nahban fuq xogħolha u ħajjitha. Ser ikun hemm ukoll qari ta’ siltiet mir-rumanz The Queue.

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm kulturali tul il-ħamest ijiem tal-Festival:

Web: https://ktieb.org.mt/?page_id=139&lang=mt

Facebook: https://www.facebook.com/events/1951963831697045/

 


Share Article