Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti – Università bi pjaċir iħabbru li qed jorganizzaw ir-raba’ edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, li se jsir fl-4-5-6 ta’ April 2017. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma: mill-10:00 sat-15:00 u mill-17:00 sa tard.

Dan il-Festival jagħti lok lill-pubblikaturi u d-distributuri Maltin jippromovu l-materjal tagħhom ma’ udjenza matura, bħall-istudenti universitarji. Minbarra l-bejgħ ta’ kotba jkun hemm ukoll programm varjat ta’ attivitajiet, bl-għan li l-letteratura nippromovuha fis-sħuħija tagħha, u mhux biss bħala prodott li jinxtara. Għal dan il-għan isir ħafna ħidma ma’ organizzazzjonijiet u individwi minn oqsma differenti tax-xena kulturali tal-pajjiż sabiex il-programm ikun wieħed varjat u miftuħ għall-interessi differenti ta’ membri tal-pubbliku.

12936652_1141718362526157_5193565006295743552_n12376629_10153954290141223_4581957680565589064_n12801639_10153929682147456_8182572109988029067_n

Il-mistiedna speċjali tal-Festival hija Caroline Smailes. Smailes hija awtriċi rinomata ta’ diversi kotba, fosthom ‘In Search of Adam’ li kien ippubblikat fl-2007 ma’ The Friday Project/HarperCollins. Rumanzi oħra li kitbet huma ‘Like Bees to Honey’, ’99 Reasons Why’, u ‘The Drowning of Arthur Braxton’ li bħalissa qed jinħadem f’film. Caroline Smailes, li għandha parentela Maltija, twieldet Newcastle u studjat il-kitba kreattiva. Matul il-festival, Smailes ser tmexxi numru ta’ workshops fuq it-tema ta’ kitba kreattiva, kif ukoll se jkollha attività fejn ser jinqraw siltiet minn xogħolha u membri tal-pubbliku ser ikunu jistgħu jitkellmu magħha direttament.

Fost attivitajiet oħra, se jkun hemm intervisti ma’ awturi, mużika lokali, films marbuta ma’ xogħlijiet letterarji, diskussjonijiet dwar il-lingwa, dawriet iggwidati mal-Biblijoteka tal-Università, u għadd ta’ kollaborazzjonijiet ma’ għaqdiet oħra, fosthom għaqdiet studenteski. Il-programm sħiħ joħroġ fil-jiem li ġejjin, u l-pubbliku jista’ jsegwi l-aħħar aġġornamenti mill-attività fuq Facebook.

Il-pubblikaturi u d-distributuri li se jkunu preżenti huma HORIZONS, FARAXA BOOKS, SENSIELA KOTBA SOĊJALISTI (SKS), STUDENTS PHILOSOPHICAL SOCIETY, EDE, KOTBA CALLEJA, u BDL. Uħud minn dawn il-pubblikaturi u d-distributuri se jkunu qed jorganizzaw ukoll xi attivitajiet. Ikun hemm ukoll stand tal-organizzaturi, jiġifieri tal-Għaqda tal-Malti – Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, minn fejn wieħed ikun jista’ jikseb aktar tagħrif.

Għal iktar tagħrif jew intervisti iktbu lil John Grech fuq john.f.grech@gov.mt jew lil Leanne Ellul fuq ghaqdatalmalti@gmail.com. Membri tal-pubbliku huma mħeġġa jerfgħu d-dati u l-ħininjiet tal-festival sabiex ikunu żguri li jistgħu iżuru l-attivitajiet li ġew imħejja għalihom.

12321506_1039256496138485_6150185862965065334_n11241937_1141718302526163_3840309154040984451_n12919698_10154071035688767_660312401960810106_n


Share Article