Mila u l-Iljun ir-Rieqed
Fil-lista tal-finalisti fil-kategorija ‘Xogħlijiet Oriġinali għal Tfal ta’ bejn 8-12-il sena’, Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2022
Pubblikatur
Merlin Publishers
Sena tal-pubblikazzjoni:
2021
Awturi: Leanne Ellul u Stephanie Bugeja
Leanne Ellul tikteb il-poeżija u l-proża u ppubblikat xogħol għall-adulti u għat-tfal. Ingħatat il-Premju tal-Awtriċi Emerġenti tas-sena fl-2016 mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u numru ta’ xogħlijiet minn tagħha ħadu l-Premju Terramaxka. L-ewwel ġabra ta’ poeżiji tagħha, L-Inventarju tal-Kamra l-Kaħla, kienet ippubblikata fl-2020. L-aħħar xogħol tagħha għall-kbar, Bjuda, huwa proġett interdixxiplinarju li jdur mal-kulur abjad. Ellul tgħallem il-Malti u hija attiva f’Inizjamed u Fondazzjoni HELA, żewġ għaqdiet volontarji li għandhom fil-qalb tagħhom il-lingwa u l-kultura.
Stephanie Bugeja hija Psikologa Edukattiva. Iggradwat l-ewwel darba b’baċċelerat fil-Psikoloġija (Unuri) fl-2009, u segwiet dan b’maġisteru fil-Youth & Community Studies li kisbet fl-2012. Kompliet l-istudji tagħha u fl-2014 reġgħet kisbet maġisteru, din id-darba fil-Psikoloġija Edukattiva. Fl-2016, kisbet diploma postgradwatorja fit-Terapija Sistemika tal-Familja. Bħalissa qed taħdem fuq dottorat fl-edukazzjoni. Matul dawn l-aħħar snin, tat lekċers fil-Junior College u l-Università ta’ Malta. Bħalissa l-interess tagħha jikkonsisti fi kwistjonijiet ta’ diversità u ħsus li jġegħluk tħossok differenti, kwistjonijiet ta’ inklużjoni u diżabbiltà u t-trawma u l-impatt tagħha fuq l-esperjenza edukattiva. Stephanie ilha taħdem ma’ tfal fi djar residenzjali għal aktar minn għaxar snin.