Fil-qalba ta’ dan il-Festival, flimkien mal-istands tal-esebituri, grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-KNK u l-Kunsill Malti għall-Arti se jkun hemm l-esibizzjoni From Illustration to Book. L-esibizzjoni se sservi bħala vetrina ta’ illustrazzjonijiet u disinji kontemporanji ta’ kotba; xogħlijiet magħżula mill-Malta Illustration Annual 2022 ippubblikat mill-Malta Community of Illustrators; disinji bikrin tal-personalitajiet Maltin Trevor Żahra, Mario Azzopardi u Joe Sacco; illustrazzjonijiet ta’ karattri li mmarkaw it-tfulija ta’ ħafna mit-tfal Maltin, bħal Kunċett u Marinton, Fra Mudest, Il-Qtates ta’ max-xatt (Merlin Publishers), u Ir-Ronnie; u selezzjoni speċjali ta’ kotba ddisinjati u b’illustrazzjonijiet minn artisti Maltin ewlenin tas-seklu għoxrin. From Illustration to Book hija mtellgħa f’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Kunsill Malti għall-Arti, u tesplora l-evoluzzjoni tal-illustrazzjoni f’Malta mill-perjodu ta’ bejn iż-żewġ gwerer dinjija sal-lum.
L-esibizzjoni hija mqassma f’ħames sezzjonijiet: ‘Looking Back’ hija omaġġ lil uħud mill-artisti pijunieri Maltin tas-seklu għoxrin, li fiha se jidhru xi eżempji mix-xogħol tagħhom; ‘Maltese Illustrated Characters’ tiffoka fuq karattri klassiċi u kontemporanji li mmarkaw għal dejjem l-immaġinazzjoni letterarja tagħna; ‘Illustrations Today’ u ‘The MCOI Illustration Annual 2022 Exhibit’ jiġbdu l-attenzjoni fuq uħud mill-aħjar xogħlijiet ta’ illustraturi u disinjaturi tal-kotba kontemporanji attivi bħalissa. Finalment, is-sezzjoni ‘Artist Spotlight’ tiddedika attenzjoni speċjali lil tliet illustraturi partikolari: Mario Azzopardi, Joe Sacco u Trevor Żahra.
Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-esibizzjoni huma kif ġejjin: minn nhar l-Erbgħa sal-Ħamis mid-9am sas-1pm u mill-5:30pm sad-9pm; nhar il-Ġimgħa mid-9am sas-1pm u mill-5:30pm sal-10pm; nhar is-Sibt mid-9:30am sal-10pm, u nhar il-Ħadd mid-9:30am sat-8pm.