John Boyne

John Boyne, l-awtur tal-bestseller The Boy in the Striped Pyjamas (David Fickling Books), se jkun il-mistieden internazzjonali ewlieni. Il-preżenza tiegħu fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb hija parti mit-tour internazzjonali tal-pubblikazzjoni tal-aħħar rumanz tiegħu All the Broken Places (Doubleday), li ntlaqa’ tajjeb mill-kritiċi. Boyne se jagħmel l-ewwel dehra tiegħu fil-produzzjonijiet teatrali ta’ nhar il-Ġimgħa minn ŻiguŻajg għall-istudenti. Aktar tard fl-istess jum, se jiġi intervistat mill-awtriċi Leanne Ellul, rebbieħa ta’ diversi premji, u wara se jiffirma personalment il-kotba tiegħu.

Boyne huwa l-awtur tadiversi rumanzi, kiteb 13-il rumanz għall-adulti, sitta għall-qarrejja żgħażagħ u ġabra tastejjer qosra. The Boy in the Striped Pyjamas, li ħareġ fl-2006, ġie adattat għaċ-ċinema, it-teatru, il-ballet u l-opera, u biegħ aktar minn 11-il miljun kopja madwar id-dinja, tant li hu meqjus bħala l-aktar rumanz li qatt inbiegħ minn rumanzier Irlandiż. Rumanzi oħra tiegħu li jitqiesu bħala bestsellers huma The Hearts Invisible Furies (Doubleday) u A Ladder to the Sky (Doubleday). Boyne rebaħ tliet premji letterarji Irlandiżi, flimkien madiversi premji letterarji internazzjonali oħra, fosthom il-premju Qué Leer li jingħata għar-rumanz tas-sena fi Spanja u l-Premju għall-Paċi Gustav Heinemann fil-Ġermanja. Ir-rumanzi tiegħu ġew ippubblikati faktar minn 50 lingwa.

Joe Sacco

Il-kartunist-ġurnalist Malti-Amerikan Joe Sacco, li hu rinomat globalment, se jiġi intervistat mill-ġurnalist tal-Malta Today, James Debono, nhar il-Ħamis, l-24 ta’ Novembru. Wara l-intervista, Joe Sacco se jiffirma personalment il-kotba tiegħu. Nhar is-Sibt, Sacco se jkunu preżenti fuq il-panel għal diskussjoni mmoderata minn Teodor Reljić: What’s an Image worth – forms of visual storytelling, flimkien mal-fotoġurnalista Joanna Demarco u l-illustratur Gattaldo.

Sacco huwa l-aktar magħruf għar-rumanzi grafiċi ġurnalistiċi tiegħu li ntlaqgħu tajjeb mill-kritiċi, bħal Palestine (1996), li rebaħ il-Premju tal-Ktieb Amerikan tal-istess sena, Footnotes in Gaza (2009) u Safe Area: Goražde (2000) li rebaħ il-Premju Einser u tqies bħala ktieb notevoli minn New York Times. Ir-rivista Time għażlu wkoll bħala l-aqwa ktieb tal-komiks ta’ dik is-sena. Ippreżenta wkoll stejjer minn Malta li jittrattaw il-memorji ta’ ommu tat-Tieni Gwerra Dinjija, u l-immigrazzjoni fil-ġabriet Notes from a Defeatist (2003) u Journalism (2018). Il-pubblikazzjoni l-aktar riċenti tiegħu, Paying the Land (2020), tesplora l-impatt tal-estrazzjoni tar-riżorsi fuq il-komunitajiet indiġeni Dene tal-Amerika ta’ Fuq. Il-kotba ta’ Sacco ġew tradotti f’erbatax-il lingwa, u l-komiks tiegħu dehru fuq Details, The New York Times Magazine, Time, Harper’s u The Guardian, fost oħrajn.

Gattaldo

Gattaldo, l-illustratur tal-powster tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena u l-awtur tal-ktieb tat-tfal Fearless, se jivvjaġġa lejn Malta bħala mistieden tal-Festival u biex jipparteċipa f’diversi avvenimenti.

Waqt il-Festival se jmexxi sessjoni ta’ workshop għal tfal bejn seba’ u tnax-il sena. Minħabba li n-numru tal-parteċipanti huwa limitat għal għoxrin, jekk jogħġbok irreġistra hawnhekk. Ma jkun hemm bżonn iġġib miegħek xejn, kollox se jiġi pprovdut. Gattaldo se jkun ukoll fil-panel għad-diskussjoni mmoderata minn Teodor Reljić flimkien mal-kartunist Joe Sacco u l-fotoġurnalista Joanna Demarco.

Fearless, The Story of Daphne Caruana Galizia ġie ppubblikat minn Otter-Barry Books fit-8 ta’ Ottubru, 2020 u ġie approvat minn Amnesty International u Reporters Without Borders. Meta quddiemu kellu l-isfida li joħloq sit għall-ktieb, mar pass oltre u żviluppa għodda edukattiva li tiċċelebra lill-ġurnalisti. Is-sit Fearlessdaphne.com jispjega l-ġurnaliżmu b’lingwa maħsuba għat-tfal, b’illustrazzjonijiet ikkuluriti u umoriżmu. Gattaldo jappella lill-ġenituri, l-għalliema u t-tfal biex jingħaqdu miegħu għal dan il-vjaġġ.

L-edizzjoni Maltija ta’ Fearless; Il-Ġurnalista, l-Istorja ta’ Daphne Caruana Galizia huwa ppubblikat minn Midsea Books, u se jkun fil-ħwienet tal-kotba minn Novembru.

L-iskeda sħiħa tal-avvenimenti li Gattaldo se jieħu sehem fihom fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb:

Il-Ġimgħa, il-25 ta’ Novembru
Tpenġija live waqt ill-produzzjoni teatrali ta’ ŻiguŻajg Striped Pyjamas flimkien ma’ John Boyne (avveniment privat għat-tfal tal-iskola rreġistrati, li issa mtela).

Is-Sibt, is-26 ta’ Novembru
10 – 11am – Workshop ta’ illustrazzjoni għat-tfal minn 7-12-il sena – Pinġi ma’ Gattaldo.
11:30 – 12:30am –  Gattaldo se jiltaqa’ mal-qarrejja waqt li jiffirma personalment il-ktieb tiegħu, Il-Ġurnalista, l-Istorja ta’ Daphne Caruana Galizia.
6:15 – 7:30pm – Mistieden fuq il-panel għad-diskussjoni ‘What’s an Image Worth’, flimkien mal-kartunist-ġurnalist Joe Sacco, il-fotoġurnalista Joanna Demarco u l-moderatur Teodor Reljić. 

Mit-23 sas-27 ta’ Novembru
L-illustrazzjonijiet ta’ Gattaldo se jkunu parti mill-esibizzjoni From Illustration to Book.

Poddata Live Speċjali ma’ Jon Mallia

Għal ħafna, ir-relazzjoni tagħhom mal-kotba hija speċjali. Għalhekk, matul l-ewwel jum tal-Festival, Jon Mallia, waqt li mdawwar mill-kotba u nies li jħobbu l-kotba, se jxandar podcast live, b’intervisti man-nies preżenti fuq ir-relazzjoni tagħhom mal-kotba, u liema kotba saħħew din ir-relazzjoni.

Fit-23 ta’ Novembru, it-tim ta’ Jon Mallia Podcast se jxandar poddata b’differenza direttament mill-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Jon se jpoġġi ma’ membri tal-udjenza kif ukoll awturi li se jkollhom xogħolhom esebit fil-Festival. Jekk waqt li kont qed tara xi poddata ġieli għedt bejnek u bejn ruħek li tixtieq tkun inti fuq is-siġġu tal-mistednin, issa ċ-ċans tiegħek. Waqt il-Festival se jkollok l-opportunità ta’ konversazzjoni ta’ kwarta ma’ Jon f’poddata żgħira fuq il-letteratura u l-kitba jew kwalunkwe suġġett ieħor li tixtieq tiddiskuti.

It-tim tal-poddata se jkun qiegħed qrib ħafna tal-entratura tal-Festival u l-membri tat-tim se jkunu disponibbli biex jeħdulek id-dettalji u jgħarrfuk meta jkun imissek biex tpoġġi fuq is-siġġu ma’ Jon.

 

 

FB_EventPage_English_02